Editorjal

Editorjal: Il-fjask tal-Iskola Sajf

Il-Gvern Laburista qed isir dejjem aktar espert tat-tfarfir tar-responsabbiltà. Jekk ikun hemm xi mertu, jieħdu hu, anke jekk ma jkunx tiegħu; fejn ikun hemm xi tort imma, dak jara li jagħtih lil ħaddieħor. Kif ġara fil-fjask tal-Iskola Sajf.

L-Iskola Sajf ilha li bdiet u hemm bżonnha ħafna
L-Iskola Sajf mhix xi ħaġa ġdida; anzi ilha li bdiet u twessgħet ħafna f’dawn l-aħħar snin. Iż-żieda qawwija li kien hemm f’dawn l-aħħar 20 sena fin-nisa jaħdmu – riżultat ukoll tat-twessigħ fl-edukazzjoni ogħla – żiedet il-bżonn ta’ istituzzjonijiet bħal Skola Sajf. U l-Gvern Nazzjonalista kien diġà fetaħ 15-il ċentru Klabb 3-16 is-sena kollha.

Il-Ministru Evarist Bartolo kien jaf li ġej is-sajf
Is-sajf ma jiġix għal għarrieda u kulħadd ikun jaf eżatt meta ġej. U l-Ministru tal-Edukazzjoni, Evarist Bartolo kellu ċ-ċans kollu jorganizza l-Iskola Sajf ta’ din is-sena li suppost kellha tibda nhar it-Tnejn li għadda.

Il-ġenituri rċevew sms billejl jew sabu s-sorpriża mal-bieb tal-iskola
Imma l-Ħadd billejl, sigħat biss qabel ħafna ġenituri kellhom jieħdu lil uliedhom għal Skola Sajf, irċevew SMS li din kienet posposta. U dawk li ma rċevewx l-SMS sabu s-sorpriża tal-Ministru Bartolo mwaħħla b’avviż mal-bieb tal-iskola; imġiba dilettanteska ta’ Gvern li wegħedna li konna se nkunu l-aqwa fl-Ewropa imma li lanqas hu kapaċi jżomm l-istandards ta’ qabel.

Flok refa’ r-responsabbiltà bil-fatti, Varist Bartolo waħħal fil-ħaddiema
Evarist Bartolo messu refa’ r-responsabbiltà bil-fatti. Minflok, waħħal fil-ħaddiema. Flok refa’ r-responsabbiltà kif jagħmel kull mexxej denju tal-isem, fejn hemm tort il-Ministru Bartolo tah lil ħaddieħor meta lill-ħaddiema qed imexxihom hu.

Fit-tajjeb jiddandan b’rix ħaddieħor u ma jagħti l-ebda mertu ‘l min ħaqqu…
Ara meta fetaħ il-bini l-ġdid tal-MCAST f’Raħal Ġdid – proġett ta’ Gvern Nazzjonalista bi flus mill-Ewropa li l-Labour kien kontriehom – il-Prim Ministru Muscat u Evarist Bartolo marru jiddandnu b’rix ħaddieħor u la taw il-mertu lill-ħaddiema u lanqas lill-Gvern ta’ qabel u lill-flus tal-Ewropa li stinkaw biex ma jiġux.

…imma fejn hemm it-tort, dak jagħtih lill-ħaddiema
Dan hu l-Gvern li wiegħed l-accountability; li min għandu responsabbiltà jerfagħha. U li issa qed juri li mhux talli ma jerfax resposabbiltà, talli fil-qasam kruċjali tal-edukazzjoni qed juri dilettantiżmu.

Lanqas hu kapaċi jżomm il-programm li sab lest ta’ skola ġdida tal-Gvern kull sena
Għax jekk kien hawn qasam li l-Gvern Nazzjonalista avanza bil-kbir kien dak tal-edukazzjoni li ta l-ħiliet għaż-żieda tant kbira li Gvern Nazzjonalista għamel ukoll fix-xogħol. Imma dal-Gvern lanqas kapaċi mqar iżomm il-programm li sab lest ta’ skola ġdida tal-Gvern kull sena li kien ilu għaddej ħames snin u li dal-Gvern waqqfu. Fuq min se jfarfar ir-responsabbiltà ta’ dan il-waqfien issa? Fuq il-ħaddiema wkoll?