Futbol Sport

Eliminati wkoll Sliema u Hibs

Sliema naqsu milli jagħtu l-istess wirja li taw f’Ta’ Qali kontra Ferencvaros biex kien l-aħħar tim Malti eliminat ilbieraħ f’ġurnata sewda għall-futbol lokali fl-Ewropa.
Ferencvaros deher tim kompletament mibdul minn dak li rajna Malta ġimgħa ilu u wara biss 14-il minuta marru fil-vantaġġ. Kuntrarju għal dak li ġara fl-ewwel leg, din id-darba kienu huma li ngħataw penalty għal fawl ta’ Alex Muscat fuq Ugrai u mill-11-il metru, l-istess UGRAI xeħet fix-xibka.
Bħalma għamlu fl-ewwel leg, Nalepa, Kukuruzovic u Busai kienu l-aktar plejers li bdew jagħmlu ħsara lis-Slimiżi u fis-56 minuta Zammit salva bla ma żamm fuq Nalepa u BUSAI irdoppja.
Erba minuti wara minn corner ta’ Barbetti kien SCOZZESE li fetaħ xaqq tama għal Sliema imma sat-tmiem Ferencvaros ikkontrollaw ir-rebħa 3-2 aggregate laqtu wkoll il-lasta minn Cukic u spiċċaw bi plejer aktar meta tkeċċa Barbetti fit-93 minuta għat-tieni karta safra.

Hibs umiljati

Hibernians kienu umiljati minn Spartak Trnava 5-0 fit-tieni leg tal-ewwel rawnd ta’ kwalifikazzjoni għall-Europa League biex spiċċaw eliminati 9-2 aggregate. Hibs tilfu l-ewwel leg f’Ta’ Qali 4-2.
Trnava kienu l-aħjar u wara 12-il minuta marru fil-vantaġġ meta MIKOVIC skurja minn rebound wara li irċieva mingħand Vlasko. Ir-reazzjoni ta’ Hibs waslet fl-20 minuta meta Failla kellu tentattiv salvat minn Strapak imma minuta wara SABO għamilhom 2-0. Fit-28 minuta, kien VLASKO li għamilhom 3-0 wara li irċieva mingħand Chovanec.
Fit-tieni taqsima Spartak Trnava naqqsu r-ritmu imma xorta baqgħu superjuri u kienu huma li skorjaw darbtejn. {ames minuti mit-tmiem MIKINIC għeleb lil Balzan u sekondi qabel it-tisfira finali Spartak Trnava issiġillaw ir-rebħa bit-tieni gowl ta’ SABO.