Lokali Qorti

Id-Difiża ta’ Silvio Zammit tappella lill-Avukat Ġenerali biex ma jinħeliex aktar fil-każ

L-Avukat Edward Gatt, li flimkien mal-Avukat Kris Busietta qed jidher għal Silvio Zammit, appella lill-Avukat Ġenerali biex ma jkomplix jinħela aktar f’dan il-każ. Dan l-appell sar meta kompliet il-kumpilazzjoni ta’ Zammit quddiem il-Maġistrat Anthony Vella. Silvio Zammit, ta’ 50 sena minn Tas-Sliema, jinsab akkużat b’tixħim u li pprova jinfluwenza deċiżjoni politika tal-Unjoni Ewropea meta allegatament intalbet is-somma ta’ €60 miljun biex tiġi nfluwenzata d-Direttiva tat-Tabakk.

L-Avukat Gatt qal li l-uffiċjali investigaturi, l-eks Kummissarju John Rizzo, l-Assistant Kummissarju Michael Cassar u l-Ispettur Angelo Gafa kienu għamluha ċara li l-investigazzjoni tagħhom hi seperata minn dik tal-OLAF u li dawn qed jirrifjutaw li jiġu jixhdu f’Malta. Qal li ma jistax jifhem għaliex il-Prosekuzzjoni qed tkompli tinsisti biex l-uffiċjali tal-OLAF jiġu jixhdu meta dawn ma jridux. Sostna li l-istess investigaturi Maltin irrifjutaw aċċess għar-rapport tal-OLAF minħabba li, skont huma stess, dan ma kienx relatat mal-każ ta’ Silvio Zammit.

Il-Kap tal-OLAF Giovanni Kessler kien wieħed minn dawk li ntalab jixhed fil-Qrati Maltin u fil-Kumitat tal-Privileġġi tal-Parlament, iżda kien informa lill-iSpeaker tal-Parlament Anġlu Farrugia li mhux ġej Malta biex jixhed. Qal ukoll li l-eks Kummissarju John Dalli wassallu l-messaġġ permess ta’ sors li jiġi arrestat kemm-il darba jiġi Malta.

Sadanittant l-Avukat Kenneth Grima, li l-ġimgħa li għaddiet ippreżenta rikors fil-Qorti li fih qal li ma kienx se jattendi minħabba li kien imsiefer, qal li xtaq jiċċara l-fatt li kontra kull rapport li deher fil-media, hu mhuwiex l-Avukat ta’ Swedish Match. Min-naħa l-oħra, hu l-Avukat tal-ESTOC, li hi l-organizzazzjoni li taħtha jaqgħu l-kumpaniji tat-tabakk. L-Avukat Grima qal ukoll li madankollu kien ikkuntatjat minn Swedish Match, li staqsewh jekk humiex obbligati jiġu jixhdu Malta fid-dawl li taw ix-xhieda tagħhom diversi drabi. Dawn qalulu wkoll li jekk huma se jintalbu jixhdu, jixtiequ li jagħmlu dan b’video conferencing jew ittri rogatorji.

Il-Maġistrat Anthony Vella qabel mat-talba biex jekk hemm bżonn ix-xhieda ta’ Swedish Match tinstema’ bil-video conferencing. Il-kawża ġiet differita għad-9 ta’ Ottubru li ġej.