Il-Gvern ħalla apposta l-kċina ta’ San Vinċenz de Paul fi stat ta’ żdingar biex ikun jista’ jgħaddiha lill-Privat. Dan qalu l-Partit Nazzjonalista fi stqarrija, f’isem il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Anzjani Mario Galea. Dan wara li din il-ġimgħa, is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjani Justyne Caruana stiednet lill-ġurnalisti jduru fil-kċina tar-Residenza ħalli jaraw f’liema stat tħalliet din il-kċina.
Għaldaqstant, il-PN staqsa għaliex din il-kċina kellha tingħalaq issa u mhux sena u erba’ xhur ilu meta l-Partit Laburista ġie elett fil-Gvern, ladarba, skont il-Gvern, il-kċina ta’ San Vinċenz kienet fi stat daqstant perikoluż. F’dan id-dawl, il-PN staqsa jekk iż-żjara tas-Segretarju Parlamentari tistax titqies bħala mezz ta’ kritika lill-persuna li kien responsabbli mill-anzjani qabilha u li ħalla l-kċina tibqa’ topera fl-istat ħażin li kienet fih. Il-PL donnu għadu ma ndunax li issa ilu sena u erba’ xhur fil-Gvern u ma jistax jibqa’ jwaħħal fil-Gvern Nazzjonalista ta’ qablu.
Il-PN qal li Justyne Caruana jmessha qalet li fi Frar 2014, jiġifieri ħames xhur ilu, il-Gvern introduċa menu ġdid fir-Residenza San Vinċenz de Paul b’ħafna pompa u propaganda, filwaqt li saħansitra ġie ppubblikat ktieb bil-kulur dwar dan il-menu l-ġdid. Dan il-menu dam biss mill-Milied sa San Stiefnu għax il-Gvern issa qed jagħti lill-kċina ta’ San Vincenz b’direct order lill-Privat. Dan meta din il-kċina tagħmel madwar 2,800 ikla kuljum u dejjem ħareġ xogħol ta’ kwalità tajba, kif jistgħu jikkonfermaw ir-residenti u l-qraba tagħhom.
L-istqarrija tkompli tgħid li ż-żjara tas-Segretarju Parlamentari fir-Residenza San Vinċenz de Paul din il-ġimgħa kienet eżerċizzju ta’ ngann. Minflok tħallew inaddfu, il-ħaddiema tal-kċina ġew imsejħa għal-laqgħa mill-amministrazzjoni tar-Residenza. Dan biex meta ddaħħlu l-ġurnalisti sabu diżordni. F’din l-aħħar sena u erba’ xhur, il-kċina ta’ San Vinċenz tħalliet fi stat ta’ żdingar u ma sar ebda xogħol ta’ manutenzjoni fiha. Fost oħrajn, boiling pans inqalgħu minn posthom u twaħħlu f’post ieħor u minn fejn inqalgħu tħalla maqlugħ. B’hekk, il-kċina ta’ San Vinċenz ingħatat dehra ta’ żdingar u telqa ħalli l-Gvern ikollu skuża tajba jagħtiha lill-Privat.
Il-PN spjega li meta nqalgħu dawn il-boiling pans minn posthom, l-istaff tal-kċina ta’ San Vinċenz kienu mgħarrfa li se jsiru oħrajn ġodda b’fondi tal-Unjoni Ewropea, iżda dawn baqgħu ma sarux. Tant hu hekk li saħansitra tnaqqsu wkoll in-nies li kienu jaħdmu fil-kċina, bi pjan maħsub biex il-Gvern ikun jista’ jagħti din il-kċina lill-Privat. Filwaqt li s-Segretarju Parlamentari qalet li l-kċina ngħatat ċertifikat ta’ “Grad F” mid-Dipartiment tas-Sanità, ma qalitx li l-kċina niżlet f’dan il-grad baxx taħt amministrazzjoni Laburista. Dan għaliex fil-leġiżlatura preċedenti, il-grad tal-kċina kien ferm aktar għoli minn hekk. Dan ikompli jikkonferma kemm din il-kċina tħalliet tkompli tmur għall-agħar apposta biex il-Gvern firex is-sodda ħalli jagħtiha lill-Privat, sostna l-PN.
Fl-istqarrija, il-PN sellem lill-ħaddiema kollha tal-kċina, tad-dining room u tal-istores tal-kċina, li għal snin sħaħ dejjem taw servizz mill-aqwa lir-residenti u lill-istaff tar-Residenza. Jekk il-Gvern issa jrid jagħti l-kċina ta’ San Vinċenz lill-Privat, m’għandux jipprova jagħti l-impressjoni li din il-kċina toffri xi servizz inferjuri għax dan hu nsult kbir lill-ħaddiema involuti. Minflok jintilef f’eżerċizzji ta’ propaganda rħisa, ikun aħjar jekk il-Gvern iserraħ ras dawn il-ħaddiema li sal-lum għadhom ma jafux x’se jsir minnhom, temmet tgħid l-istqarrija.
//= $special ?>