Lokali

Il-ħaddiema tal-Enemalta inkwetati dwar il-futur tagħhom – is-SĦPN

Numru dejjem jikber ta’ ħaddiema tal-Enemalta huma ferm inkwetati dwar dak li jista’ jiġri mill-futur tagħhom f’din l-azjenda. Fi stqarrija, Solidarjetà Ħaddiema Partit Nazzjonalista (SĦPN) qal li qed tiltaqa’ ma’ dawn il-ħaddiema. It-tħassib tal-ħaddiema fl-Enemalta kompla jikber wara li dan l-aħħar, f’ittra mibgħuta mill-Kap Eżekuttiv, intqalilhom li jistgħu jiġu sekondati skont l-esiġenzi ta’ kif se tkun privatizzata l-kumpanija jew partijitet minnha, għalkemm l-impjieg tagħhom hu assigurat.

Il-ħaddiema qed jisħqu li fl-Enemalta qed jiġri dak kollu l-kuntrarju ta’ dak li kienu mwegħdin qabel l-elezzjoni ġenerali ta’ Marzu 2013, meta l-Prim Ministru tal-lum Joseph Muscat, f’laqgħa apposta għalihom fir-Rialto wiegħed lill-ħaddiema tal-Enemalta li l-azjenda mhux se tkun privatizzata. Is-SĦPN fakkar kif Muscat kien wiegħedhom ukoll li se jibqgħu jaħdmu bix-shift għax id-dawl jiġi ġġenerat anke bil-lejl u fi tmiem il-ġimgħa. Dan kien sab approvazzjoni mill-ħaddiema preżenti u mill-GWU li tirrapreżentahom.

Fil-laqgħat mas-SĦPN, il-ħaddiema saħqu kemm dakinhar kienu ġew ingannati, meta issa hu aktar ċar minn qabel li l-paga bażika biss hi assigurata. Il-benefiċċji u l-allowances, li f’ċerti każi jlaħħqu eluf ta’ ewro fis-sena, huma serjament mhedda. Il-ħaddiema fakkru wkoll, li l-paga bażika hi tajba grazzi għar-riforma li kien qed iwettaq il-Gvern Nazzjonalista fl-Enemalta.

Is-SĦPN qalet li skont l-ittra tas-CEO, numru ta’ ħaddiema jistgħu anke jkunu sekondati maċ-Ċivil, għalkemm jibqgħu fuq il-kotba tal-Enemalta, li issa se tkun ukoll immexxijja minn interessi tal-Gvern Ċiniż u privati. Kulmin ikun sekondat f’postijiet bħal Mater Dei jew WasteServ, dawn ma jieħdux il-benefiċċji tal-ħaddiema f’dawk l-azjendi jew dipartimenti li jmorru fihom, iżda jibqgħu jaqgħu taħt il-Ftehim Kollettiv tal-Enemalta.

Is-SĦPN qal li dan imur kontra l-Liġi tar-Relazzjonijiet Industrijali, li tgħid li jrid ikun hemm ħlas ugwali għall-istess tip ta’ xogħol. Il-ħaddiema jinsabu mħassba wkoll għall-fatt li għadhom mhux magħrufa l-kriterji li se jintużaw biex jintgħażlu n-nies u wisq jibżgħu li ssir diskriminazzjoni fuq bażi politika ħalli jiġu aġevolati xi wħud.

L-istqarrija temmet tgħid li s-SĦPN hi mgħarrfa wkoll li l-UĦM diġà għamlet mezz u rat kif tlaqqa’ l-ħaddiema mingħajr ebda distinzjoni biex tgħarrafhom b’dak li qed jiġri, filwaqt li tħeġġeġ lill-GWU tneħħi l-għamad politiku u ġġib l-interessi tal-ħaddiema l-ewwel u qabel kollox.