Kien hemm rakkomandazzjoni biex il-pazjent li spiċċa biex faga’ u tilef ħajtu f’biċċa tiġieġa jingħata ikel mitħun u fluwidi magħquda. Din ir-rakkomandazzjoni kienet ukoll mituba b’ittri kbar fuq it-tabella fuq is-sodda li fuqha jkun hemm struzzjonijiet dwar il-pazjent.
Dan qalitu fix-xhieda tagħha quddiem il-Maġistrat Anthony Vella, Dr. Roberta Chetcuti Galea, “speech therapist patholigist” fl-isptar Karen Grech. Din qalet li ilha taħdem f’din il-professjoni f’Malta sa mill-2008 u li qabel kienet taħdem barra l-pajjiż.
Hija kienet qed tixhed fil-kumpilazzjoni ta’ Maria Bondin ta’ 57 sena minn Raħal Ġdid u David Sant ta’ 30 sena mill-Għargħur, li t-tnejn huma infermiera flimkien man-“nursing aid” Carol Bonnici ta’ 55 sena mis-Siġġiewi qed jiġu mixlijin bil-qtil involontarju ta’ pazjent, li kien jbati bid-dimenzja u li spiċċa miet meta faga’ f’biċċa tiġieġa.
L-inċident kien seħħ fis-7 ta’ Marzu 2012 bejn il-11.00 a.m. u s-1.00 p.m. fl-isptar Karen Grech fejn iż-żewġt irġiel u l-mara li hija “Chief Nurse” qed jiġu akkużati li b’nuqqas ta’ ħsieb, bi traskuraġni, jew b’nuqqas fil-professjoni tagħhom ikkaġunaw il-mewt ta’ John Darmanin, li kellu 64 sena.
Dr. Chetcuti Galea qalet li kemm l-ilma waħdu u anke affarijiet solidi huma ħżiena għal kundizzjoni li kellu l-vittma. Qalet ukoll li sfortunatament hemm menu wieħed għall-pazjenti imma l-infermiera għandhom ordni li jipproċċessaw l-ikel skont il-ħtiġijiet individwali tal-pazjenti. Tenniet li anke meta pazjenti bħal Darmanin jingħataw soppa li hija fluwida ħafna, din għadha tiġi ssir aktar grassa.
Ix-xhud qalet ukoll li dan il-pazjent partikolari kellu problemi biex jikkomunika u dan minħabba d-dimensja. Meta l-Ispettur Geoffrey Azzopardi li nvestiga l-każ beda jistaqsiha dwar il-menu li jingħata u dwar x’taħriġ jingħataw l-infermiera fuq każijiet bħal dawn l-Avukati Difensuri oġġezzjonaw bil-qawwa kollha u qalu li x-xhud ma kienitx esperta fuq is-suġġett.
Xehdet ukoll Dr. Brigitte Gafa, li hija Konsulent Legali tad-Dipartiment li kienet kellmitha l-armla tal-vittma u hi kellmet lid-Dr. Nathalie Chircop fuq il-każ u li kellha ddaħħal lill-Pulizija għax ma kienitx mewta naturali.
Għall-akkużati qegħdin jidhru l-Avukati Stephen Tonna Lowell, Lucio Sciriha u Chris Scicluna filwaqt li l-Avukat Stefano Filleti qed jidher għall-familjari tal-vittma. Il-każ se jkompli fid-9 ta’ Ottubru fl-10.30 a.m.
//= $special ?>