Il-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi esprima ruħu għal darb’oħra kontra l-proġett tal-Gvern biex jinbnew 12-il razzett għat-trobbija tal-baqar fiż-żona magħrufa bħala ta’ San Niklaw, fil-limiti tas-Siġġiewi. Fi stqarrija, il-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi ressaq l-oġġezzzjoni tiegħu quddiem il-MEPA, li llum waranofsinhar se jkun qed jikkunsidra u jiddeċiedi dwar din l-applikazzjoni f’seduta tal-Bord tal-MEPA.
Il-Kunsill qal li pparteċipa b’mod sħiħ fil-proċess kollu dwar din l-applikazjzoni u b’mod konsistenti oġġezzjona għall-iżvilupp propost għax jemmen li se jkollu mpatt negattiv fuq il-lokalità tas-Siġġiewi. F’Lulju 2012, il-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi approva unanimament riżoluzzjoni, li permezz tagħha oġġezzjona għal din l-applikazzjoni.
Fost ir-raġunijiet, il-Kunsill qal li l-proġett se jikkawża rwejjaħ milll-ammont ta’ baqar li se jitrabbew fit-12-il razzett f’din iż-żona. Il-proġett se jkollu wkoll impatt viżwali negattiv u anke impatt negattiv fuq id-Dar tal-Providenza, ir-residenti u l-ħaddiema. Id-Dar tal-Providenza tinsab biss 800 metru bogħod mill-konfini tas-sit. Se jkun hemm impatt negattiv ukoll fuq il-kwalità tal-arja kkawżat minn emmissjonijiet ta’ gassijiet li possibbilment jirriżultaw mit-twettieq tal-iżvilupp kif propost.
Il-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi qed jisħaq li l-MEPA m’għandhiex tagħti permess għal dan l-iżvilupp u se jkun qed jispjega l-oġġezzjonijiet tiegħu waqt is-seduta tal-MEPA tal-lum.
//= $special ?>