Lokali

Il-PN jibqa’ jisħaq li Sai Mizzi titħallas f’madwar €13,000 kull xahar f’salarji

Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ jisħaq fuq l-informazzjoni li għandu, li l-pakkett finanzjarju ta’ mart il-Ministru Konrad Mizzi, fosthom is-salarju u perkaċċi, jammontaw għal €13,000 kull xahar.

Il-PN, fi stqarrija, qal li hu impressjonanti li t-tagħrif dwar dan il-pakkett finanzjarju ilu pubbliku sa minn Ottubru 2013 u hu biss issa li tali informazzjoni qed tkun diskussa.

Jekk il-pożizzjoni ta’ Sai Mizzi hi tabilħaqq veru, li mhux il-każ, huma l-imħuħ politiċi tagħha li jaħtu talli regolarment irrifjutaw li jippubblikaw l-kuntratt tagħha minkejja t-talbiet ripetuti mill-Partit Nazzjonalista u mill-media indipendenti, bil-mezzi kollha għad-dispożizzjoni tagħhom, fosthom, fil-Parlament u l-Freedom of Information Act.

Il-PN qal li l-Gvern għandu jkun trasparenti u ma jibqax jirrifjuta milli jippubblika d-dħul ta’ mart il-Ministru Konrad Mizzi mit-taxxi tal-poplu. Il-PN stqarr li l-poplu jixraqlu jkun jaf kemm Sai Mizzi qed titħallas meta qed taħdem miċ-Ċina.

Il-kummenti li ntqalu lil xi mezzi tal-media setgħu kienu aħjar li kieku mart il-Ministru Mizzi tat dettali tal-isforzi u l-kisbiet tag[ha mindu nħatret il-Mibgħuta Speċjali ta’ Malta Enterprise għall-Asja b’pakkett finanzjarju eżorbitanti.