Il-Kunsill Lokali tal-Gudja nieda l-inizjattiva “Youth-Decide-Act“, bl-iskop li ż-żgħażagħ Gudjani jinvolvu ruħhom fl-attivitajiet organizzati mill-Kunsill, kif ukoll biex jesprimu l-fehmiet tagħhom ħalli tissawwar il-politika li tolqothom direttament. Il-Kunsillier f’isem il-Partit Nazzjonalista Mark Anthony Sammut, li ħareġ b’din l-inizjattiva, fisser li ż-żgħażagħ tal-lokalità qed ikunu mistiedna jħejju ruħhom għal meta ż-żgħażagħ ta’ 16-il sena jkunu jistgħu jibdew jivvutaw fl-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali.
Mark Anthony Sammut qal li din il-Liġi m’għandhiex tkun biss vot ta’ darba kull erba’ snin jew għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali, iżda tkun tfisser partecipazzjoni iżjed attiva fil-proċess demokratiku kollu.
Min-naħa tagħha, l-Ambaxxatriċi taż-Żgħażagħ fil-Kunsill Lokali Melanie Bugeja fissret il-ħidma li diġà bdiet titwettaq biex iż-żgħażagħ jiġu attirati lejn attivitajiet li jqajmu sens ċiviku. Qalet li dalwaqt se jkunu organizzati avvenimenti sportivi, kif ukoll attivitajiet ta’ tindif f’Wied Ħas-Saptan, kif ukoll sessjonijiet ta’ team-building. Dwar Vot 16, hi qalet li din hi xi ħaġa tajba ħafna għax tgħin liż-żgħażagħ jimmaturaw. Żiedet li bl-inizjattiva “Youth-Decide-Act“, iż-żgħażagħ se juru l-ħiliet u l-kapaċitajiet tagħhom, filwaqt jkunu mgħejjuna jesponu l-espressjonijiet u l-opinjonijiet tagħhom.
Is-Sindku tal-Gudja John Mary Calleja fisser is-sehem taż-żgħażagħ fil-kuntest ta’ Vot 16 bħala wieħed tajjeb li jixtiequh għax meta titkellem magħhom juru x-xewqa tagħhom li meta jkollhom 16-il sena imorru jivvutaw.
Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għaż-Żgħażagħ u l-Isport Robert Cutajar appella lill-Gvern biex jagħti iżjed imbuttatura lil-Liġi tal-Vot 16 ħalli ż-żgħażagħ jinvolvu ruħhom fil-politika. Min-naħa tiegħu, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Kunsilli Lokali David Agius ħeġġeġ liż-żgħażagħ biex jagħtu kas tal-attivitajiet li jsiru għalihom mill-Kunsilli Lokali, filwaqt li appellalhom jipprepaw irwieħhom anke qabel ma jiġu biex jivvutaw.
Preżenti kien hemm ukoll is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ u l-Isport Chris Agius.
//= $special ?>