Ekonomija Lokali

Imniedi Abbozz tal-Istrateġija Nazzjonali għall-Kummerċ Elettroniku fis-snin li ġejjin

Il-Gvern nieda Abbozz tal-Istrategija Nazzjonali tal-Kummerċ Elettroniku għall-perjodu ta’ bejn l-2014 u l-2020. F’konferenza tal-aħbarijiet, is-Segretarju Parlamentari għall-Kompetittività u t-Tkabbir Ekonomiku José Herrera fisser li din l-Istrateġija se twassal għal numru ta’ inizjattivi li l-Gvern qed jipproponi li jwettaq flimkien mal-Awtorita’ Maltija tal-Komunikazzjoni (MCA) u partijiet oħra interessati.

L-għanijiet prinċipali tal-Istrateġija huma li jmexxu ‘l quddiem l-użu tal-kummerċ elettroniku min-negozji Maltin u li jinkoraġixxu intrapriżi relatati mal-eCommerce ħalli jistabilixxu l-kummerċ tagħhom f’Malta. Herrera stqarr li llum il-bejgħ bl-internet qed jiżdied b’rata medja ta’ aktar minn 18% fis-sena. Dan meta n-negozju b’mezzi oħrajn qed jikber biss b’1.3% fis-sena. Qal li n-nefqa minn fuq siti elettroniċi fl-2013, bl-uzu tas-sistema tal-Paypal, kienet tammonta għal €66 miljun.

Studju li għamlet l-MCA juri li 61% tal-kummerċjanti Maltin qalu li ma jbigħux fuq l-internet għax il-prodott tagħhom mhux adattat għal dan is-suq. Madankollu, sostna s-Segretarju Parlamentari, jekk wieħed jidħol fuq l-internet, isib jixtri kull xorta ta’ prodotti u servizzi. Il-Gvern mistenni jindirizza s-sitwazzjoni li l-maġġoranza ta’ siti Maltin mhux talli ma joffrux il-faċilità biex wieħed jixtri direttament minn fuq is-sit, iżda lanqas biss joffru katalgu tal-prodotti għall-bejgħ u wisq anqas il-prezzijiet tagħhom.

Għaldaqstant, din l-istrateġija tipproponi numru ta’ miżuri maħsuba biex jgħinu lill-intrapriżi jgħaddu minn din il-bidla. Il-konsultazzjoni pubblika se tibqa’ għaddejja sal-14 ta’ Awwissu.