Il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca inawgurat l-ewwel edizzjoni tal-Fiera l-Kbira f’Montekristo Estates illum filghaxija. F’kelmtejn tal-okkażjoni, il-President fissret li l-fiera għandha sinifikat soċjali għax toħloq relazzjoni ġenwina bejn il-kummerċ u l-familji li jiħu biex jixtru.
Marie Louise Coleiro Preca rringrazzjat lill-organizzaturi li ħadu ħsieb biex il-qligħ li jsir mill-parkeġġ tal-fiera jmur kollu għall-Malta Community Chest Fund – fond li jgħin lil min hu marid bil-kanċer. Hi saħqet li min hu vulnerabbli dejjem ghħndu bżonn is-solidarjeta’. Il-President awgurat bejgħ tajjeb u xiri mill-aqwa lill-pubbliku li jżur il-fiera.
Luke Gatt, f’isem Expo Events, qal li saret hidma biex il-Fiera l-Kbira tkun esperjenza unika bi tliet għanijiet prinċipali. L-ewwel biex min iżur il-fiera, mhux biss ikollu l-opportunita’ jieħu vantaġġ minn offerti speċjali, imma wkoll li jgawdi ambjent sabiħ mal-familja u jkun offrut prodotti mill-aqwa ditti u kumpaniji li hawn f’pajjiżna.
Aktar minn 230 esebitur ġew offruti, mhux biss spazju fejn jesebixxu, imma wkoll esperjenza pozittiva.
Pierre Fenech, Direttur ta’ Montekristo Island Caterers fisser li mir-riċerka li saret irriżulta li n-nies xtaqu li l-fiera kummerċjali terga’ lura bhalma kienet fin-Naxxar. Dawk li rrispondew qalu li l-fiera għandha sservi ta’ ħarġa għall-familja kollha.
Gordon Polidano, General Manager ta’ Polidano Group, tkellem dwar is-sit Montekristo Estates – proġett li juri l-kapaċita tal-ħaddiem Malti. Fisser kif il-kumpless jinkludi, fost oħrajn, l-Mużew tat-Trasport u l-ispettaklu Story of an Island, li dalwaqt jibda jintwera ghall-pubbliku f’wahda mis-swali
Intant flimkien mal-forzi tal-ordni, l-organizzaturi ħadu ħsieb biex saru arranġamenti speċjali tat-traffiku biex ma tinħoloqx konġestjoni tat-traffiku għall-viżitaturi ta’ din l-attivita’ fuq skala nazzjonali.
Sabiex wiehed jidħol għal din il-fiera hemm triq waħda – dik min-naħa ta’ Ħal Luqa, filwaqt li t-triq ghal barra se tkun minn Ta’ Kandja. Hekk kif il-parkegg jimtela se jintuza il-parkeġġ f’Ta’ Kandja u se jkun hemm wkoll sistema ta’ Park and Ride għal min hu anzjan jew għal min ikollu tfal zgħar.
Il-Fiera l-Kbira tkun miftuħa kuljum sal-Ħadd 20 ta’ Lulju mis-6.30 p.m. sal-11 p.m.. Kull biljett tad-dħul li jiswa €2.50 se jkun abbinat ma’ lotterija li l-premju tagħha hi karozza b’valur ta’ €17,000.