Futbol Lokali Sport

Inċertezzi ta’ Murcia jeliminaw lil B’Kara

Inċertezzi tal-gowlkiper ta’ B’Kara Murcia, wittew it-triq għal Diosgyor li jkunu huma li jikkwalifikaw għat-tieni round b’rebħa 4-1 f’Ta’ Qali u 6-2 aggregate anke jekk ir-riżultat aħħari hu xi ftit kiefer iżżejjed mat-tim ta’ Paul Zammit.
Mingħajr il-captain Gareth Sciberras li kien imweħħa’ kif ukoll mingħajr Zach Muscat u anke Matheus Bissi li kien sospiż, il-Karkariżi kellhom tliet plejers importanti nieqsa imma xorta waħda taw sfida denja.

F’riħ qawwi l-Karkariżi għarfu jfittxu l-gowl kmieni imma kellna nistennew sat-22 minuta biex wasal l-ewwel xutt denju ta’ Ryan Camenzuli wara ħarba ta’ Leighton Grech, imma salva tajjeb Antal.
Fit-30 minuta wasal il-gowl li ta daqqa ta’ ħarta lil B’Kara meta l-captain ELEK ħa ballun li deher mitluf f’tarf il-kaxxa, dar ma’ Grech u Herrera u minn kważi fuq il-linja tal-corner, pożizzjoni impossibli, għeleb lil Murcia li kellu tort kbir fil-gowl bil-gowlkiper Karkariż jidher ikun hu li kompla fix-xibka.
Dan il-gowl neħħa l-pressjoni minn fuq l-Ungeriżi li issa bdew idawru l-ballun aħjar u dehru aktar komdi fil-pussess.

Iżda bħalma ġara fl-ewwel leg il-Karkariżi wrew karattru, wettqu reazzjoni u ġabu d-draw. Kien Paul Fenech li bi through ball minn nofs il-ground żmarka lil RYAN CAMENZULI li daħal bejn id-difensuri ċentrali fuq il-linja tal-offside u waħdu quddiem Antal xeħet fix-xibka. Draw li wasal fl-aħjar mumenti, minuta qabel il-mistrieħ.
Firt-tieni taqsima Zammit daħħal lil Ledesma minflok Edmond Agius biex jagħti aktar saħħa l-attakk bil-mira li jsib il-gowl li jagħmel l-iskor indaqs aggregate.
Imma fil-61 minuta l-Ungeriżi għalqu l-kwalifikazzjoni meta minn azzjoni li bdiet minn gowlkick, il-ballun wasal għand HUSIC li minn pożizzjoni angolata b’xutt bix-xellug għeleb lil Murcia li għal darb’oħra deher kellu tort fil-gowl bil-ballun skorjat fuq l-ewwel lasta.

Eżatt mal-gowl Zammit daħħal lil Omeru flok Leighton Grech biex jipprova jagħti ftit tama imma l-moral tal-plejers issa kien tbaxxa.
U ma kinitx sorpriża li s-sostitut David BARCZI li kien skorja wkoll fl-ewwel leg, kompletament żmarkat fil-kaxxa ż-żgħira, b’xutt mill-ewwel ikkonkluda cross ta’ Gosztonyi fis-66 minuta.
Fis-70 minuta kien Ryan Camenzuli li ra x-xutt dajagonali tiegħu jgħaddi ftit barra.

Sat-tmiem iżda Diosgyor marru darbtejn viċin ir-raba’ gowl qabel Omeru falla ċans tajjeb minn pożizzjoni idejali wara cross ta’ Ledesma.
Imma bil-partitarji Ungeriżi li ġew jakkumpanjaw lit-tim tagħhom, jiċċelebraw, wasal ukoll ir-raba’ gowl skorjat minn MARJANOVIC minuta fuq il-ħin bil-gowlkiper Murcia jerġa’ jidher inċert għalkemm mgħotti ftit minn Vukanac.