Ir-Rappreżentant tal-PN Ryan Callus l-uniku li vvota kontra
Minkejja l-oġġezzjonijiet qawwija mill-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi u mir-residenti u ħaddiema fiż-żona ta’ San Niklaw, inkluż dawk tad-Dar tal-Providenza, il-MEPA approvat il-proġett tal-Gvern biex jinbnew 12-il razzett għat-trobbija tal-baqar fiż-żona magħrufa bħala ta’ San Niklaw fil-limiti tas-Siġġiewi. L-uniku membru tal-Bord tal-MEPA li vvota kontra dan il-proġett kien ir-Rappreżentant tal-PN Ryan Callus.
Il-laqgħa pubblika saret il-Ħamis wara nofsinhar u s-smigħ dwar din l-applikazzjoni dam madwar tliet sigħat. Is-Sindku tas-Siġġiewi Carol Aquilina u d-Direttur tad-Dar tal-Providenza, Fr Martin Micallef resqu diversi oġġezzjonijiet għal din l-applikazzjoni.
Matul il-laqgħa pubblika, ir-Rappreżentant tal-PN għamel proposta biex l-għoli tad-digester, li hu propost li jkun ta’ ħames sulari, jitħalla jogħla sa tliet sulari billi jsir eskavar taħt il-livell tat-triq u b’hekk jitnaqqas l-impatt viżiv. Dan minħabba li s-sit hu viċin it-Tempji ta’ Ħaġar Qim. Għamel ukoll proposta biex issir planning gain ta’ €100,000 bħala kontribuzzjoni għall-komunitajiet tal-madwar, bil-flus jintużaw biex jitranġaw it-toroq tal-inħawi. Madankollu, dawn iż-żewġ proposti ġew miċħuda mill-Bord.
Fi stqarrija aktar kmieni l-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi qal li ippartecipa b’mod sħiħ fil-proċess kollu dwar din l-applikazzjoni u b’mod konsistenti oġġezzjona għall-iżvilupp propost għax jemmen li se jkollu impatt negattiv fuq il-lokalita` tas-Siġġiewi. Propju f’Lulju 2012, il-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi unanimament approva rizoluzzjoni li permezz tagħha oġġezzjona għal dan l-iżvilupp.
Fost ir-raġunijiet għal dan, il-Kunsill qal li l-proġett se jikkawża irwejjaħ mill-ammont ta’ baqar li se jitrabbew fit-12-il razzett fiz-zona ta’ San Niklaw. Il-proġett se jkollu impatt viżwali negattiv u anke impatt negattiv fuq id-Dar tal-Providenza, ir-residenti u l-ħaddiema. Id-Dar tal-Providenza tinsab biss 800 metru l’bogħod mill-konfini tas-sit. Se jkun hemm impatt negattiv fuq il-kwalita` tal-arja ikkawżat minn emmissjonijiet ta’ gassijiet li possibbilment jirriżultaw mit-twettiq tal-iżvilupp kif propost.
//= $special ?>