Internazzjonali

Jintensifikaw l-offensivi bejn Iżrael u l-Ħamas fil-Medda ta’ Gaża

Minkejja t-twissija tal-Prim Ministru Iżraeljan Benjamin Netanyahu li se tintensifika l-offensiva militari Iżraeljana f’Gaża kontra l-Ħamas, fl-aħħar sigħat komplew jiġu sparati aktar rockets mill-Medda ta’ Gaza lejn Iżrael. Min-naħa tagħhom, bi twegiba, l-Iżrael kompla jwettaq attakki mill-ajru, bl-imwiet ikomplu jiżdiedu.

Fl-istess waqt, truppi u tankijiet tal-gwerra Iżraeljani nġabru mal-fruntiera ta’ Gaża wara li l-President Shimon Peres wissa li l-Iżrael lest jinvadi jekk ma jieqfux l-attakki. Fl-aħħar attakki mietu madwar 20 persuna, bit-total ta’ mejta f’Gaża issa tela’ għal madwar 80. Wara dawn l-aħħar żviluppi, is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti Ban Ki-Moon wissa li r-reġjun jinsab f’xifer l-irdum.

Skont il-militar Iżralejan, il-Ħamas għandu madwar 6,000 rocket, li xi wħud minnhom kapaċi jaslu sa distanza ta’ 200km, filwaqt li l-grupp militanti tal-Jihad Iżlamiku, ukoll ibbażat f’Gaża, għandu xi 5,000 rocket ieħor. Matul il-lejl li għadda, rockets kienu interċettati hekk kif kienu sparati fid-direzzjoni tar-reattur nukleari Iżraeljan ta’ Dimona.