Fi stqarrija b’reazzjoni għal dak li qal il-Kap tal-Oppożizzjoni fil-Parlament ilbieraħ filgħaxija, l-eks Kummissarju Ewropew John Dalli implika li l-President tal-Kummissjoni Ewropea Barroso għandu jiġi arrestat jekk jiġi Malta. Dalli nnota kif Simon Busuttil staqsa lill-Ministru Manwel Mallia jekk Barroso jiġix arrestat ukoll jekk jiġi f’pajjiżna. “Kieku kelli nagħmel konkluzjoni oħra, jien ngħid iva”, qal Dalli fl-istqarrija tiegħu.
John Dalli attakka diversi drabi lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista fl-istqarrija, filwaqt li allega li Busuttil hu parti mill-frodi li skont hu twettqet kontrieh issa. Qal li jixtieq ikun jaf jekk fl-2004 kienx parti mill-ewwel frodi wkoll u li jikkonkludi li l-Kap tal-Oppożizzjoni hu parti mill-kampanja tal-media tal-Kummissjoni u tal-OLAF biex jippruvaw iħammġuh bit-tieni investigazzjoni dwaru. Filwaqt li reġa’ qal li hi gidba li bagħat xi messaġġ lil Giovanni Kessler li jekk jiġi Malta jiġi arrestat, Dalli staqsa wkoll għaliex il-Kap tal-OLAF kellu jikteb lill-iSpeaker meta kien jaf li s-seduta tal-Parlament li fiha kellu jixhed, ġiet posposta.
John Dalli akkuża lil Kessler li kiser l-obbligu tal-kunfidenzjalità li hu marbut biha, filwaqt li staqsa jekk Simon Busuttil kienx fi Brussell il-Ħadd li ghadda u jekk iltaqax ma’ Barroso jew xi ħadd mill-Kummissjoni dwar il-każ tiegħu.
//= $special ?>