Lokali

L-Arġentina jagħmulha għat-tielet finali kontra l-Ġermanja

OLANDA…………………..0

ARĠENTINA……………..0

(Arġentina 4-2 bil-penalties)

Olanda; Cillessen, Vlaar, De Vrij, Martins Indi (Janmaat 46′), Blind, De Jong (Clasie 62′), Van Persie (Huntelaar 96′), Sneijder, Robben, Kuyt, Wijnaldum

Arġentina; Romero, Garay, Zabaleta, Biglia, Perez (Palacio 81′), Higuain (Aguero 82′), Messi, Mascherano, Demichelis, Rojo, Lavezzi (Rodriguez 100′)

Imwissija; Indi, Huntelaar (O), Demichelis (A)

Referee; Cuneyt Cakir (TUR)

Il-finali ta’ nhar il-Ħadd fil-Maracana se tkun bejn l-Arġentina u l-Ġermanja. Dan wara li l-Arġentina rebħu 4-2 bil-penalties kontra l-Olanda wara li 120 minuta logħob ma pproduċew xejn. Din se tkun it-tielet darba li l-Arġentina u l-Ġermanja se jiltaqgħu f’finali fejn s’issa rebħu darba kull wieħed, l-Arġentina fl-1986 u l-Ġermanja fl-1990.

Din kienet l-ewwel darba fl-aħħar 16-il sena li semifinali ġiet deċiża bil-penalties u kienet ukoll l-ewwel darba fl-istorja li semifinali tat-Tazza tad-Dinja intemmet 0-0 sal-120 minuta. Għall-Olanda dan kien diżappunt ieħor fi spazju ta’ erba’ snin wara li tilfu l-finali fl-Afrika t’Isfel.

L-Olanda bdew bl-attakkant Robin van Persie u l-midfielder Nigel de Jong li irkupraw fil-ħin. Van Persie kien ma jiflaħx jum qabel filwaqt li De Jong irkupra minn injury fil-groin.

L-Arġentina għamlu żewġ tibdiliet mil-logħba kontra l-Belġju. Enzo Perez ħa post Di Maria li hu imweġġa’ filwaqt li Rojo irritorna lura fit-tim wara li kien sospiż.

Qabel ma bdiet il-partita kien hemm minuta silenzju għall-eks plejer Arġentin ta’ Real Madrid, Alfredo di Stefano li miet nhar it-Tnejn. Il-plejers Arġentini lagħbu wkoll b’faxxa sewda.

L-ewwel taqsima kienet bħall-kumplament tal-logħba, fqira u f’xita kontina mingħajr azzjonijiet denji ta’ nota. L-ewwel ċans wasal wara 11-il minuta meta Mascherano ikklerja ballun li spiċċa f’saqajn Sneijder li ipprova xutt li mar barra. Żewġ minuti wara Messi impenja lil Cillessen bi free kick b’saħħtu. Kien l-uniku xutt fil-lasta f’45 minuta.

Minn hawn sal-mistrieħ iż-żewġ timijiet donnhhom bdew jibżgħu jattakkaw lil xulxin u kemm il-darba bdew qassmu lura.

It-tieni taqsima kienet identika fejn it-timijiet taw l-impressjoni li kienu kuntenti bi draw. Fit-58 minuta Lavezzi għamel ħarba mal-lemin u tefa’ cross imma Janmaat interċetta tajjeb qabel Higuain. Ftit qabel il-logħba marret għal ħin barrani kien hemm xutt minn barra l-kaxxa ta’ Rojo fit-83 minuta li kien salvat minn Cillessen. Kien it-tieni xutt fil-lasta f’90 minuta. Fl-aħħar żewġ minuti Robben li kien imrażżan tajjeb u deher ineżistenti kellu ċans kbir meta daħal fil-kaxxa imma x-xutt tiegħu kien imblukkat minn Mascherano.

L-ewwel xutt tal-Olanda fil-lasta wasal fit-tmien minuta tal-ħin barrani meta Romero salva fuq Robben u fil-114-il minuta Palacio bir-ras ipprova jqabbeż minn fuq il-gowlkiper avversarju imma t-tentattiv tiegħu kien dgħajjef.

Minuta wara Messi għamel ħarba tajba minn mal-ġenb, tefa cross li sab lil Rodriguez imma anke dan ikkonkluda dgħajjef.

Is-semifinali marret għall-għoti tal-penalties fejn hawnhekk spikka l-gowlkiper Arġetina Romero li salva fuq l-Olandiżi Vlaar u Sneijder filwaqt li għall-Arġentina Messi, Garay, Aguero u Rodriguez ma fallewx u xeħtu lit-tim fil-finali. Għall-Olanda li issa jilagħbu s-Sibt għat-tielet post kontra l-Brażil skorjaw Robben u Kuyt.