Kunsilli Lokali Lokali

L-Għaqda Każini tal-Banda urtata dwar kumment mill-Bord tal-Governanza Lokali

L-Għaqda Każini tal-Banda esprimiet ruħha urtata dwar kumment inkluż fir-rapport tal-Bord tal-Governanza Lokali dwar l-eks Sindku Laburista ta’ Ħaż-Żabbar Quinton Scerri. Dan wara li fir-rapport dwar il-Kunsill Laburista ta’ Ħaż-Żabbar, il-Bord tal-Governanza qal li t-tmexxija dilettanteska tas-Sindku Laburista lanqas f’każin ta’ banda ma ssibha.

Fi stqarrija, l-Għaqda qalet li mhix se tidhol fil-mertu tal-każ u l-fatt li Scerri rriżenja wara piki ma’ Kunsillieri, rekordjar sigriet u nuqqasijiet finanzjarji, iżda ma tistax tħalli għaddej kumment bla sens bħal dak li għadda l-Bord tal-Governanza.

L-Ghaqda qalet li l-Ezekuttiv tagħha jħossu urtat għax ħafna drabi, meta jinqala’ xi għawġ, it-tqabbil isir ma’ kif jitmexxew Każini tal-Banda. L-Għaqda qalet li l-Bord għandu stima ferm baxxa tal-Każini tal-Banda u staqsiet għaliex min ħareġ l-istqarrija qed jitfa’ lil kull soċjetà f’keffa waħda.

L-istqarrija talbet lil min qal dan il-kliem biex jirrikonoxxi li weġġa’ s-sentimenti ta’ diversi mexxejja u membri tal-Każini tal-Banda u jagħmel apoloġija.