Lokali Saħħa

Pass fid-direzzjoni t-tajba biex l-ebda tifel jew tifla ma terġa tiddaħħal f’ward tal-adulti fl-Isptar Monte Carmeli – il-PN

L-isptar Monte Karmeli

Issa hemm bżonn ta’ azzjoni tanġibbli u dati ta’ tlestija

Il-Partit Nazzjonalista laqa’ b’sodisfazzjon l-aħbar li l-Gvern qed jaqbel mal-politika proposta mill-Oppożizzjoni, li taħt l-ebda ċirkustanza m’għandu jkun hemm każijiet fejn tfal jitpoġġew f’wards intiżi għall-adulti fl-Isptar Monte Carmeli. Dan il-kunsens fuq materja daqstant importanti jawgura tajjeb għall-futur ta’ dan is-settur u għaldaqstant la issa hemm qbil dwar dan il-punt ta’ politika, hemm bżonn li nimxu għat-twettieq.

Fi stqarrija f’isem il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa Claudio Grech, il-Partit Nazzjonalista fakkar kif ix-xahar li għadda l-PN esprima t-tħassib serju tiegħu għall-fatt li tifel ta’ 10 snin ġie rikoverat fis-Seclusion Ward tal-Isptar Monte Carmeli, li hi ntiża għal pazjenti adulti b’diffikultajiet serji ħafna. Dakinhar, il-PN kien qal li “irrispettivament miċ-ċirkostanzi tal-każ, dawn il-każijiet m’għandhom qatt ikunu aċċettabbli f’soċjetà bħal tagħna. Ma teżisti l-ebda skuża organizzattiva jew finanzjarja għal dawn iċ-ċirkostanzi”.

Kien f’dan l-isfond li, fuq talba tal-Oppożizzjoni, ilbieraħ il-Kumitat Permanenti għas-Saħħa iddiskuta fil-Parlament din il-materja. Il-Kumiat sema’ numru ta’ esperti u uffiċjali f’dan il-qasam, bil-Gvern iħabbar li dawn il-każijiet ma kienux se jerġgħu jitħallew iseħħu. Il-PN qal li issa hemm bżonn li dan il-qbil jiġi rifless f’azzjoni min-naħa tal-Gvern. Għaldaqstant, il-pass li jmiss hu li l-Gvern jagħti d-dettalji tal-faċilitajiet li se jibdew jintużaw għal dan il-għan, kif ukoll jintrabat b’dati stabbiliti meta dawn se jibdew joperaw.

F’dan l-isfond, il-PN qal li qed jistenna li l-uffiċjali kollha tal-Isptar Monte Carmeli jżommu ma’ dan l-impenn li ħa l-Gvern, filwaqt li jaraw li taħt l-ebda ċirkustanza ma jerġgħu jiddaħħlu tfal fi swali jew faċilitajiet li mhumiex esklussivament riservati u addattati għat-tfal.