Lokali

Aktar mistoqsijiet dwar kemm verament iddaħħal Sai Mizzi

Wara li l-Partit Nazzjonalista lbieraħ baqa’ jisħaq li Sai Mizzi qed titħallas f’madwar €13,000 kull xahar f’salarji, illum il-ġurnal The Malta Independent ukoll ikkummenta dwar il-ħlas ta’ mart il-Ministru Konrad Mizzi. Fil-faċċata tal-ħarġa tal-lum ta’ The Malta Independent, il-ġurnal ikkummenta li, filwaqt li Sai Mizzi qed tgħid li qed taqla’ biss €3,000, ma qalitx kemm jammontaw il-perkaċċi addizjonali li għandha. Ir-rapport jgħid li bla dubju, din iċ-ċifra teskludi l-allowances addizzjonali.

The Malta Independent, li skont il-Freedom of Information Act, talab biex jiġi ppubblikat il-kuntratt ta’ Sai Mizzi, fakkar kif it-talba ġiet miċħuda kif ġie miċħud ukoll l-appell. Il-ġurnal fakkar li ċ-ċifra ta’ €13,000 fix-xahar qatt ma kienet ġiet miċħuda qabel, la mill-mara tal-Ministru u lanqas mill-Gvern. The Malta Independent, li mhuwiex fost il-media houses magħżula li tella’ miegħu l-Prim Ministru Muscat fiċ-Ċina, għamel kalkolu sempliċi minn informazzjoni pubblika, għax tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Parlament, dwar kemm jaqla’ Ambaxxatur.

Dan wara li l-istess Sai Mizzi qalet lix-xandir tal-istat li qed tieħu l-istess allwoances daqs Ambaxxatur. Il-ġurnal sab li l-Ambaxxatur ta’ Malta fl-istess pajjiż, iċ-Ċina, għandu allowances ta’ aktar minn €44,300. Dan iwassal għall-kalkolu li Sai Mizzi taqla’ madwar €7,000 fix-xahar meta mas-salarju bażiku żżid il-perkaċċi. Anke jekk hu anqas minn €13,000, dan xorta hu ferm aktar mit-tweġiba li tat mart il-Ministru Konrad Mizzi.

Lill-media preżenti fiċ-Ċina, Sai Mizzi qalet li lesta turi l-payslip u l-FS3 tagħha bħala evidenza. Madankollu, The Malta Independent wieġeb li l-aktar ta’ interess hu l-kuntratt u mhux l-FS3 għax f’din ma jkunx hemm imniżżla d-dettalji kollha tal-allowances li qed tieħu. Għaldaqstant, il-ġurnal reġa’ appella lill-Gvern biex jippubblika l-kuntratt sħiħ tagħha.

Sadanittant, fl-istqarrija tiegħu, anke l-PN appella lill-Gvern biex ikun trasparenti u ma jibqax jirrifjuta milli jippubblika x’qed iddaħħal il-mara tal-Ministru Konrad Mizzi mit-taxxi tal-poplu. Il-poplu, qal il-PN, għandu d-dritt ikun jaf ukoll kemm qed iħallas biex Sai Mizzi toqgħod iċ-Ċina. Il-PN sostna li issa ladarba tkellmet, kien ikun aħjar li kieku minflok fuq is-salarju, il-mara tal-Ministru Mizzi spjegat x’kisbet għal Malta minn mindu ġiet appuntata f’din il-kariga b’pakkett finanzjarju eżorbitanti.