Iż-żagħżugħ ta’ 27 sena minn Birkirkara li kien tressaq il-Qorti mixli b’serqa li rriżulta li wettaqha ħaddieħor appella minn sentenza mogħtija minn Imħallef, li fiha qal li meta Darryl Luke Borg ġie arrestat mill-Pulizija, ma kellux id-drittijiet tiegħu miksura.
Fis-7 ta’ Awwissu 2013, Darryl Luke Borg kien ġie mixli fil-Qorti tal-Maġistrati li tlett ijiem qabel wettaq hold-up fil-ħanut The Convenience Shop f’Birkirkara u li żamm kontra l-volontà tagħhom lil żewġ ħaddiema, Sue Ellen Cassar u Franklyn Grech.
Anke jekk wieġeb li ma kienx ħati, Borg kellu t-talba għall-ħelsien mill-arrest miċħuda, iżda peress li kien għaddej minn treatment order fl-Isptar Monte Carmeli, baqa’ jinżamm f’dan l-Isptar minflok ittieħed fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
Fid-9 ta’ Awwissu 2013, l-Avukati tiegħu skoprew li dakinhar stess kien ġie mixli żagħżugħ ieħor fuq l-istess każ u li dan kien ammetta li wettaq is-serqa waħdu. Minkejja li Borg inħeles, l-Avukati tiegħu David Camilleri u Joseph Gatt bdew proeċeduri Kostituzzjonali, li fihom qalu li l-klijent tagħhom kellu d-drittijiet tiegħu miksura u mittiefsa. Huma talbu li jingħata kumpens għal dak li għadda minnu.
L-Imħallef Tonio Mallia ma laqalhomx it-talba u tenna li meta jitqies li Borg kellu proċeduri oħra dwar serq, il-Pulizija kienet ġustifikata li ssusspettat fih. Qal ukoll li sakemm is-suspetti jkunu ġustifikati, hu rrelevanti jekk iċ-ċirkostanzi kienux biżżejjed biex jippruvaw li hu kien ħati. L-Avukati ta’ Borg appellaw minn din id-deċiżjoni quddiem il-Qorti Kostituzzjonali, fejn għal darb’oħra sostnew li ma kienx hemm raġunijiet biżżejjed biex jiġi arrestat.
L-Avukati Camilleri u Gatt qalu li l-Imħallef Mallia donnu ma riedx jidħol fil-mertu jekk il-Pulizija aġixxietx b’mod korrett. Filwaqt li qalu li din hi linja totalment żbaljata u faċilment tagħti lok għal abbuż, sostnew li jkun ta’ ħsara għall-kunċett tal-libertà tal-bniedem jekk il-Qrati jibdew jadottaw din l-attitudni li l-aġir tal-Pulizija hu insindikabbli.
L-Avukati ta’ Borg qalu wkoll li l-Imħallef Mallia żbalja meta rrimarka li l-arrest tal-klijent tagħhom ma kienx kontestat, fejn qalu li meta persuna tiġi akkużata, min ikun qed jidher għaliha ma jkunx jaf xi provi jkollha f’idejha l-Pulizija. Qalu li ma jistgħux jifhmu għaliex l-Imħallef Mallia ddedika ammont sostanzjali tas-sentenza tiegħu jikkritikahom talli ma ressqux lill-Ispettur Elton Taliana, meta l-eżami ta’ min għamel l-iżball kien wieħed inutli fil-kawża.
Iż-żewġ Avukati sostnew li kien proprju għalhekk li ressqu bħala prova r-rapport tal-Bord tal-Pulizija, li wera li l-Pulizija aġixxiet b’mod negliġenti fil-konfront tal-klijent tagħhom. Huma għalhekk talbu lill-Qorti Kostituzzjonali biex tħassar is-sentenza tal-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili.
//= $special ?>