F’dal-ġranet, l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika ppubblika ċ-ċifri tal-iżbilanċ tal-Gvern għall-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena, skont kif ikunu kkalkolati bl-istess standard u metodu mill-membri kollha tal-Unjoni Ewropea kull tliet xhur.
Żbilanċ rekord ta’ 132 miljun ewro fl-ewwel kwart ta’ dis-sena
L-iżbilanċ tal-Gvern f’dan il-kwart tas-sena waħdu kien 132 miljun ewro; żieda ta’ 25 miljun ewro fuq l-istess kwart tas-sena l-oħra. Din diġà żieda qawwija u inkwetanti. Ma’ dan, hemm il-fatt li dawn il-132 miljun ewro huma l-ogħla żbilanċ li qatt kellu l-Gvern Malti fi kwalunkwe kwart ta’ kwalunkwe sena kemm ilna li dħalna fl-Unjoni Ewropea. Jiġifieri, f’dawn l-aħħar għaxar snin, il-Gvern Malti qatt ma sofra żbilanċ daqshekk kbir fi kwalunkwe perjodu ta’ tliet xhur li għalih joħorġu dawn iċ-ċifri Ewropej.
Żieda qawwija fin-nefqa tal-Gvern fuq il-pagi għan-nies li qed iżid miegħu
Iż-żieda fl-iżbilanċ fl-ewwel kwart tas-sena seħħet għal ħafna raġunijiet, ewlenija fosthom żieda fil-ħlasijiet ta’ pagi li ħareġ il-Gvern ta’ 18-il miljun ewro aktar fi tliet xhur. Dan hu Gvern li qed iżid in-nies miegħu b’mod sostanzjali u qed jidher issa ċar l-effett ta’ dan fuq l-infiq tal-Gvern, fuq l-iżbilanċ, fuq id-dejn tal-pajjiż, u eventwalment fuq it-taxxi.
Żbilanċ rekord minkejja t-taxxa ġdid fuq il-fuels
Tant nefaq aktar mis-sena l-oħra l-Gvern li kien jagħmel żbilanċ saħansitra agħar minn dan l-iżbilanċ rekord fl-ewwel tliet xhur kieku ma żiedx it-taxxa fuq il-fuel; taxxa ġdida li l-Gvern Laburista għamel fl-ewwel budget tiegħu u li pprova jaħbiha, għalkemm iħallasha kulħadd kull meta jimla l-karozza bil-petrol jew id-diesel.
Id-dejn tal-pajjiż żdied bi 300 miljun ewro fl-ewwel tnax-il xahar tal-Gvern Laburista
Minkejja din it-taxxa, żbilanċ rekord fl-ewwel tliet xhur tas-sena; żbilanċ li żied id-dejn tal-pajjiż b’mod qawwi. Fl-ewwel tnax-il xahar tiegħu, issa jirriżulta miċ-ċifri tal-Gvern stess, li l-Gvern Laburista żied id-dejn tal-pajjiż bi 300 miljun ewro f’sena.
Importanza kbira li l-Gvern iżomm il-finanzi tiegħu taħt kontroll
L-importanza li l-Gvern iżomm il-finanzi tiegħu taħt kontroll hi kbira. Id-dinja kollha mixgħufa mill-esperjenza ta’ pajjiżi li ma rażżnux l-infiq tal-Gvern u li mbagħad ikkawżaw riċessjoni kbira fid-dinja fl-2008, u fallew. F’Malta ħlisnieha mir-riċessjoni l-kbira tal-aħħar snin, għax il-Gvern Nazzjonalista wettaq programm li bih issoda l-finanzi tal-Gvern; programm li tellfu voti, imma li saħħaħ l-ekonomija tagħna minkejja dak li kien qed jiġri barra minn Malta.
Tkun ħasra li l-Gvern jgħarraq il-finanzi pubbliċi wara li wiret ekonomija b’saħħitha
Dal-Gvern wiret ekonomija b’saħħitha u barra minn Malta m’hemmx il-maltemp ekonomiku li kien hemm qabel. Tkun ħasra li l-Gvern ipoġġi l-ekonomija b’saħħitha li wiret f’riskju, billi jgħarraq il-finanzi tal-pajjiż li bla dubju marru lura fl-aħħar sena, kif juru ċ-ċifri inkwetanti li għadu kemm ħareġ il-Gvern stess u li rriżultaw fl-agħar żbilanċ għal kwalunkwe perjodu li għalih ilha toħroġ din l-istatistika, u wkoll irriżultaw f’żieda ta’ 300 miljun ewro fid-dejn tal-pajjiż fl-aħħar sena.