Lokali

Grupp ġdid minn persuni li fil-passat inħakmu mill-vizzju tad-droga biex jgħin lil min ibati mill-vizzju

Il-White Paper dwar ir-Riforma fil-Liġijiet relatati mal-Abbuż tad-Droga hi pass fid-direzzjoni t-tajba fejn jidħlu t-trattament u l-għajnuna lill-vittmi. Madankollu, l-ebda droga m’għandha tiġi legalizzata. Sostnew dan kelliema tal-Grupp Avfda waqt konferenza tal-aħbarijiet b’reazzjoni għall-White Paper maħruġa mill-Gvern fl-aħħar jiem.

Avfda, fil-qosor għal A Voice For Drug Addicts, hi għaqda ġdida li waqqfu persuni li fil-passat kienu nħakmu mill-vizzju tad-droga u għaldaqstant jafu eżattament minn xhiex tgħaddi persuna li jkollha l-vizzju tad-droga mil-lat legali u mil-lat emozzjonali fit-triq għar-rijabilitazzjoni. Joe Camilleri qal li filwaqt li hu pożittiv il-mod kif il-White Paper qed tħares lejn il-vittmi ta’ dan il-vizzju, Avfda hi kontra l-legalizzazzjoni ta’ kwalunkwe droga. M’hemmx droga aktar b’saħħitha minn oħra, iżda semplicement droga, sostna Camilleri.

Min-naħa tiegħu, Kevin Busuttil ukoll hu tal-fehma li min ibati mill-vizzju tad-droga m’għandux jitqies bħala kriminal. Tenna li hu kontra li d-droga tkun legalizzata. Hu kompla li l-enfażi għandha tkun fuq l-għajnuna.

Salvator Cirinna laqa’ b’mod pożittiv il-proposta li r-riferenzi għall-użu tad-droga jitneħħew mill-kondotta ladarba persuna tkun ħelset mill-vizzju u rrijabilitat ruħha. Dan jgħin l-aktar biex titneħħa l-istigma u jittaffew id-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom dawn il-persuni biex isibu impjieg. Hu fakkar li impjieg stabbli jgħin fil-proċess tar-rijabilitazzjoni fis-soċjetà.

Avfda se tkompli titkellem dwar dan il-qasam. Stiednet ukoll persuni li batew minn dan il-vizzju biex jagħmlu kuntatt magħha u jagħtu sehemhom billi jibgħatu email lil avfdaorg@gmail.com.