Ir-reġjun tal-Mediterran issa se jkollu struttura ta’ koperazzjoni li għandha ġġib flimkien lil dawk kollha fl-Ewropa u fil-Mediterran li huma nvoluti fis-settur tal-produzzjoni tal-gass. L-istruttura Euro-Mediterranean Platform on Gas ġiet iffurmata waqt il-Konferenza Mediterranja dwar is-sigurtà fil-mod kif qed jiżviluppa s-settur tal-gass u l-enerġija li tlaqqgħet f’Malta.
Il-Konferenza kienet organizzata f’pajjiżna mill-Kummissjoni Ewropea bil-kollaborazzjoni tal-Gvern Malti u dak ta’ Ċipru. Dettalji dwar din l-istruttura ngħataw f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru Konrad Mizzi, mill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea u Kummissarju tal-Enerġija Gunther Oettinger u minn parteċipanti oħrajn.
Il-Konferenza qablet li l-pajjiżi għandhom japplikaw politika ta’ enerġija li tkun sostenibbli, li toffri sigurtà u li tkun aċċessibbli għal kulħadd biex tiggarantixxi prosperità fil-Mediterran. Il-parteċipanti qablu dwar l-importanza tal-koperazzjoni reġjonali u t-tisħiħ tal-politika ta’ sigurtà fl-enerġija.
F’dan il-kuntest, il-Euro-Mediterranean Platform on Gas għandu jservi bħala struttura li jgħin fir-relazzjonijiet Ewro-Mediterranji dwar kwistjonijiet relatati mal-produzzjoni tal-gass. Fost l-oħrajn, għandu jkun impenjat biex itejjeb il-kundizzjonijiet ta’ importazzjoni ta’ żejt u gass minn pajjiżi li jipproduċuhom, filwaqt li jeżamina l-mekkaniżmi marbuta mal-prezzijiet taż-żejt, jiffaċilita l-aċċess għas-swieq u jsaħħaħ il-koperazzjoni bejn il-pajjiżi fis-settur tal-enerġija.
Dwar il-politika adottata mill-Gvern Malti, il-Ministru Konrad Mizzi qal li hemm problemi ambjentali dwar il-windfarms, li issa jidher li mhumiex vijabbli. Għalhekk, sostna l-Ministru Mizzi, l-għażla tal-Gvern hi favur l-enerġija solari. Fil-ġimgħat li ġejjin, il-Gvern mistenni jippubblika r-reviżjoni tal-politika dwar l-enerġija solari ħalli Malta xorta tilħaq il-miri tal-2020.
Konrad Mizzi sostna wkoll li r-relazzjonijiet li l-Gvern Malti qed jistabilixxi maċ-Ċina fil-qasam tal-enerġija huma skont ir-regolamenti tal-Unjoni Ewropea u dwar dan il-Kummissjoni Ewropea qed tkun infurmata.
Pajjiżna jista’ jkun hub għall-provvista ta’ gass għan-naħa ta’ isfel tal-Ewropa – il-PN
Sadanittant, fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista laqa’ b’mod pożittiv din il-laqgħa dwar l-iżviluppi tal-gass fir-reġjun tal-Mediterran u l-proposti prinċipali diskussi fil-laqgħa.
L-istqarrija, iffirmata mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Enerġija u l-Konservazzjoni tal-Ilma George Pullicino, tgħid li din il-laqgħa sostniet l-importanza ġeo-politika ta’ pajjiżna fuq riżorsa tant kruċjali għall-iżvilupp tal-enerġija. Kien dan l-għarfien li wassal lill-Gvern preċedenti jinkludi fl-istudju dwar il-vijabbiltà ta’ konnessjoni ta’ gass mal-grid Ewropew l-idea li pajjiżna jservi ta’ hub għall-provvista ta’ gass għan-naha ta’ isfel tal-Ewropa.
Dik l-idea kienet tipproponi li pajjiżna jkollu faċilità barra l-kosta ta’ pajjiżna li mhux biss tissupplixxi gass LNG għall-ħtiġijiet ta’ pajjiżna, iżda tissupplixxi gass fuq in-network Ewropew. Dan kien ifisser prezzijiet orħos għal pajjiżna minħabba economies of scale u mingħajr ma jkollna ħażna ta’ gass fil-Bajja ta’ Marsaxlokk, li toffri perikli kbar għal pajjiżna.
Il-PN qal li hi sfortuna li dan l-istudju ta’ vijabbiltà, li għalih anke kienu nkisbu fondi mill-Unjoni Ewropea, jidher li għal raġunijiet li jafhom il-Ministru għall-Enerġija Konrad Mizzi biss, tpoġġa fuq l-ixkaffa minn dan il-Gvern.
Il-PN innota wkoll li għalkemm il-Ministru Konrad Mizzi jitkellem fil-pubbliku dwar sorsi ta’ enerġija nadifa, fil-verità sal-lum għadu ma ppubblikax il-Pjan Nazzjonali Rivedut għall-Energija Nadifa li, skont stqarrija ppubblikata mill-istess Ministru, kellu jiġi ppubblikat f’Settembru 2013. Iżda minkejja li issa għaddew kwazi għaxar xhur, dan il-pjan s’issa għadu ma ġiex ippubblikat, temmet tgħid l-istqarrija.
//= $special ?>