Futbol Sport

Ifittxu l-konsolazzjoni f’logħba mingħajr interess

PLAY-OFF GĦAT-TIELET POST: Għada fl-10pm f’Estadio Nacional Mane Garrincha, fi Brasilia tintlagħab il-partita għat-tielet post bejn il-Brażil u l-Olanda, żewġ timijiet li fis-semifinali ġew eliminati b’mod ferm differenti minn xulxin. Il-Brażil ġie umiljat 7-1mill-Ġermanja filwaqt li l-Olanda ġew eliminati mill-Arġentina bil-penalties. Għall-Olanda dan kien it-tieni diżappunt fi spazju ta’ erba’ snin wara li tilfu l-finali fl-Afrika t’Isfel.

Din hi partita mingħajr interess li ħafna huma tal-opinjoni li l-FIFA għandha telimina mit-turnament. Wara kollox f’turnament bħal dan, l-importanti hu biss min jgħolli t-tazza.

Minkejja l-eliminazzjoni, l-Olanda xorta qatgħu figura tajba f’din l-edizzjoni u wara d-diżappunt kbir li kellhom fil-Euro 2012, meta kienu eliminati mill-fażi tal-gruppi, żgur li t-tim ta’ Van Gaal għamel pass kbir ‘il quddiem u ħafna ma stennewx li se jaslu sas-semifinali.

Il-Brażil se jkun għadu taħt ix-xokk kbir wara t-telfa kontra l-Ġermanja. Din it-telfa kienet l-akbar telfa li qatt sofra l-pajjiż fl-istorja tiegħu. Il-fatt li waslet fis-semifinali tat-Tazza tad-Dinja li qed issir fil-Brażil stess, tkompli żżid mal-umiljazzjoni ta’ dawk li kienu qed jittamaw li jpattu għal dak li seħħ fl-1950 meta tilfu l-finali tat-Tazza tad-Dinja li kienet saret f’pajjiżhom kontra l-Urugwaj.

Wieħed se jkun qed jistenna reazzjoni mill-Brażil li se jkollhom lura fit-tim lill-captain Thiago Silva li kien sospiż kontra l-Ġermanja. Madankollu se jerġgħu jkunu mingħajr l-attakkant Neymar li weġġa’ fil-kwarti tal-finali kontra l-Kolombja.

Il-logħob li wrew il-Brażil u l-Olanda ma kienx impressjonanti. Wara li l-Olanda rebħu 5-1 kontra Spanja fl-ewwel logħba tal-gruppi, naqqsu fil-logħob u kien hemm diversi logħbiet fil-fażi tan-knockout fejn ma kienx ħaqqhom jikkwalifikaw.

Kontra l-Messiku l-Olanda skurjaw darbtejn fl-aħħar ħames minuti filwaqt li kontra l-Costa Rica kellhom bżonn il-penalties biex jikkwalifikaw. Kontra l-Arġentina l-Olanda iddefendew tajjeb imma l-attakk kien fjakk u żgur li wieħed jistenna xi ħaġa aħjar mingħand plejers bħal Van Persie u Robben.

Għal kontra l-Brażil il-midfielder Nigel de Jong mistenni jibda minn fuq il-bank wara li kellu jkun mibdul kontra l-Arġentina. Ma tkunx sospriża jekk De Jong ma jilgħabx minuta oħra f’din l-edizzjoni. Il-plejer ta’ Milan kien weġġa’ l-groin u kien hemm rapporti li kien se jitlef il-kumplament tat-Tazza tad-Dinja imma laħaq irkupra għal kontra l-Arġentina.

Issa la darba m’għadx hemm ċans li l-Olanda tirbaħ it-titlu wieħed jistenna li Van Gaal iserrħu wara li reġa’ weġġa’ kontra l-Arġentina. Id-difensur Indi mistenni jitlef postu mill-ewwel 11 wara taqsima diżappuntanti kontra l-Arġentina.

Ma tkunx sorpriża lanqas jekk Van Gaal, li stqarr pubblikament li din il-partita ma tinteressahx u l-FIFA  għandha tikkunsidra li tneħħiha, jilgħab lil dawk il-plejers li ma tantx kellhom sehem fit-turnament.

Il-Brażil ma kienux daqstant dominanti fit-tliet partiti tal-gruppi filwaqt li l-fortuna għenithom ħafna meta eliminaw liċ-?ile bil-penalties mill-fażi tal-aħħar 16. Wieħed jista’ jgħid li l-aħjar logħob li wrew il-Brażil kien fl-ewwel taqsima fil-kwarti tal-finali kontra l-Kolombja. Il-plejers issa jridu jinsew dak li seħħ kontra l-Ġermanja u jiġbru ġieħhom kontra l-Olanda.

Minkejja l-wirja fqira li kellhom l-attakkanti Fred u Hulk dawn mistennija jerġgħu jibdew mal-ewwel 11 filwaqt li għal darba oħra Maicon mistenni jibda fid-difiża minflok Dani Alves. Dan għaliex Scolari, li l-probabbilta hi li jwarrab wara din il-partita, jrid almenu jagħlaq l-impenji tal-Brażil bil-midalja tal-bronż. Dan hu l-minimu li kull Brażilajn issa qed jistenna.

Il-Brażil u l-Olanda s’issa lagħbu 11-il darba kontra xulxin u rebħu tliet logħbiet kull wieħed. Minkejja li ż-żewġ timijiet ġew eliminati fl-istess fażi ta’ din il-kompetizzjoni il-moral tal-plejers hu differenti. L-aspettazzjonijiet u l-pressjoni li kellhom il-Brażil qabel bdiet it-Tazza tad-Dinja kienu kbar u anke jekk jispiċċaw fit-tielet post jitiqes falliment. Fuq in-naħa l-oħra, l-avventura tal-Olanda fil-Brażil diġa’ kienet  suċċess.

Formazzjonijiet probabbli

Brażil (4-2-3-1)> Cesar, Marcelo, Luiz, Silva, Maicon, Gustavo, Fernandinho, Bernard, Oscar, Hulk, Fred

Olanda (3-4-1-2)> Cillessen, Blind, Vlaar, Vrij, Kuyt, Clasie, Wijnaldum, Janmaat, Sneijder, Robben, Van Persie
Referee> Djamel Haimoudi (Alġerija)