Il-każ tal-Kunsill Lokali b’maġġoranza Laburista ta’ Ħaż-Żabbar, u s-Sindku tal-lokal Quinton Scerri, li nstabu ħatja ta’ numru ta’ irregolaritajiet fit-tmexxija tal-Kunsill mill-Bord tal-Governanza Lokali wassal biex ħarġet fil-beraħ il-qasma li teżisti fi ħdan il-Partit Laburista.
Dan il-ġurnal jinsab infurmat li, fuq ordni tal-Kap Eżekuttiv tas-Super One Jason Micallef, madwar siegħa qabel ħareġ ir-rapport, il-cameras tal-istazzjon tal-Partit Laburista kienu diġa’ jinsabu barra l-uffiċċji tal-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żabbar biex jieħdu l-kummenti tas-Sindku Laburista Quinton Scerri.
Il-Bord tal-Governanza Lokali, li ħareġ bil-konklużjonijiet tiegħu u l-kundanna fil-konfront tas-Sindku Laburista, jinkludi fih lil Ronnie Pellegrini – li huwa ħaġa waħda ma’ Jason Micallef.
Bejn Quinton Scerri u Ronnie Pellegrini teżisti ġlieda kbira li kompliet teskala meta s-Sindku Laburista ta’ Ħaż-Żabbar akkuża lil Pellegrini li tkellem max-xhieda f’dan il-każ u saħansitra talab li jiġi rikużat u allura ma’ jibqax jisma’ l-każ.
Dan il-ġurnal hu nfurmat ukoll li kien propju Ronnie Pellegrini li kkonvinċa lid-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista Toni Abela, li hu responsabbli mill-Kunsilli Lokali fi ħdan il-Partit Laburista, biex dan il-każ li kien ilu għaddej għal xhur sħaħ, jitressaq għall-investigazzjoni mill-bord tal-Governanza.
Jumejn wara li ħareġ ir-rapport, dan l-istazzjon żvela serje ta’ attakki li saru mis-Sindku Quinton Scerri, mill-President tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali Marc Sant u mill-President tas-Sezzjoni Kunsillieri tal-Partit Laburista Mario Fava fuq Facebook kontra l-Bord tal-Governanza tal-Kunsilli Lokali, li saħqu li m’għandhomx iżjed fiduċja f’dan il-Bord.
Dan wara li l-Bord ikkundanna lil Quinton Scerri.
Imma fl-aħħar sigħat, Mario Fava, li kien hu li talab li ssir l-investigazzjoni, neħħa l-kummenti tiegħu fuq dan il-każ mill-Facebook., bl-informazzjoni li għandna tgħid li dan sar wara ordni li rċieva mill-Kwartieri Ġenerali tal-Partit Laburista. Minflok, hu nfexx jattakka lil dan il-ġurnal għaliex ikkwotajna propju dak li kiteb.
Skont The Malta Independent, fl-aħħar jiem dan il-każ wassal ukoll għal argument jaħraq bejn Ronnie Pellegrini u Toni Abela li ma kienx kuntent bil-mod kif Pellegrini intervjena fid-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Governanza. Dan minbarra li l-Ħamis li għadda, il-Kunsillieri tal-Partit Laburista f’Ħaż-Żabbar għamlu laqgħa ma’ Toni Abela biex jiġi deċiż jekk il-Kunsill ixoljix wara li l-kunsillieri naqsu milli jattendu numru ta’ laqgħat.
//= $special ?>