Ekonomija

Is-swieq jitilfu fil-valur minħabba l-Portugall

Is-swieq finanzjarji madwar id-dinja ħadu daqqa ‘l isfel, hekk kif bank maġġuri fil-Portugall qed jiffaċja problemi kbar. Banco Espirito Santo kellu l-ishma tiegħu sospiżi minn kull tip ta’ negozju. Dan wassal għal xokk madwar id-dinja kollha, hekk kif reġgħet bdiet taħkem il-biża’ li dan il-falliment ikollu effett fuq banek oħra.

Madankollu, jidher li hekk kif is-swieq naqsu fil-valur, kien hemm xerrejja li immedjatament daħlu fis-swieq biex jixtru b’dawn il-prezzijiet imnaqqsa. Dan wassal biex is-swieq ma komplewx neżlin b’dik ir-rata li rajna fl-aħħar jiem. Matul il-ġurnata tal-lum, is-swieq irkupraw xi ftit, iżda xorta bqajna b’telf għal din il-ġimgħa.

Banco Espirito Santo ra tnaqqis mill-aġenzija ta’ kreditu Moody’s. Aħbarijiet negattivi dwar dan il-bank wasslu biex il-bank tilef 19% fil-valur tal-ishma tiegħu matul il-ġurnata tal-bieraħ. Il-grupp li jifforma parti minnu dan il-bank qed isostni li hemm biżżejjed kapital u għaldaqstant m’għandux ikun hemm il-problemi li wieħed qed jassumi.

Bosta analisti finanzjarji ddeskrivew dan il-perjodu bħala wieħed ta’ konfużjoni u li jista’ joħloq inċertezza. Diġà teżisti inċertezza bil-problemi ma jieqfu xejn li nsibu fil-Lvant Nofsani u l-Ukrajna. Il-prezzijiet tal-bonds ma tantx kienu affetwati minn dan kollu.

Il-kumpanija Whirlpool se tixtri 60% tal-ishma ta’ Indesit, meqjusa bħala waħda mill-akbar kumpaniji ta’ white goods fl-Italja. Din it-transazzjoni se tkun ta’ $1 biljun jiġifieri 4.5% aktar mill-valur tal-ishma kif kwotati fis-suq. Il-kumpanija Imperial Tobacco rat żieda ta’ kważi 3% fil-prezz tal-ishma, hekk kif tħabbar li għaddejjin negozjati ħalli jixtru ditti li għandhom Reynolds u Lorillard.

Il-kumpanija tal-ajru Emirates għamlet ordni ta’ 150 ajruplan ġdid mingħand Boeing. Il-valur ta’ din l-ordni huwa ta’ $56 biljun. Hemm il-possibbiltà li jiġu ordnati 50 ajruplan ieħor biex l-ordni tkun tiswa $75 biljun. Il-produzzjoni ta’ dawn l-ajruplani se tibda fl-2017, bl-ewwel ajruplan ikun lest fl-2020. Dan għandu jkompli jagħmel minn Emirates waħda mill-akbar kumpaniji tal-ajru fid-dinja.

L-aġenzija tal-aħbarijiet Ċiniża qalet li l-Bank Ċentrali Ċiniż se jkun qed jinvestiga allegazzjonijiet li r-raba’ l-akbar bank Ċiniż, Bank of China, kien involut f’ħasil ta’ flus biex joħroġ flus mill-pajjiż.

Dan l-artiklu hu miġjub lilkom minn MPM Capital Investments Ltd | www.mpmci.net | tel: 21493250

L-informazzjoni u ħsibijiet inklużi fl-artiklu huma pprovduti għal skop ta’ edukazzjoni u informazzjoni biss u m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala parir ta’ investiment.