Sena biss wara li kien inħatar Chairman tal-Isitut għall-Istudji Turistiċi (ITS), Ernest Azzopardi irriżenja minn din il-kariga. Għalkemm ir-raġuni wara din ir-riżenja mhix magħrufa, informazzjoni li għandu MaltaRightNow.com tindika li bħalissa l-Istitut qed jiffaċċja diversi problemi interni u ta’ organizzazzjoni b’diżgwid bejn klikek differenti fit-tmexxija tal-ITS.
Minkejja li għandna konferma li Azzopardi tefa’ r-riżenja tiegħu l-Ġimgħa li għadda u jidher li l-istaff ġie nfurmat uffiċjalment b’din ir-riżenja permezz ta’ korrispondenza, l-ITS s’issa għadu mingħajr Chairman. Is-sitwazzjoni ta’ taħwid li hemm bħalissa fl-ITS qed teffettwa lill-istudenti, anke għax issa ċertu deċiżjonijiet qed jittieħdu mingħajr konsultazzjoni mal-Lecturers u ma’ min suppost jipprovdi t-tagħlim.
Il-ħatra ta’ Ernest Azzopardi kienet waħda minn tal-ewwel li għamel il-Gvern Laburista wara l-elezzjoni li għaddiet. Din kienet saret fl-24 ta’ April 2013, xahar u nofs wara l-elezzjoni ġenerali. Dan hu każ ieħor ta’ persuni magħżula biex imexxu awtoritajiet tant importanti, iżda li spiċċaw irriżenjaw wara biss perjodu qasir fil-bidu tal-leġiżlatura. Dawn ir-riżenji qed iġibu instabbiltà f’diversi entitajiet tal-Gvern, fosthom f’dan il-każ, minn istituzzjoni edukattiva importanti li suppost tħarreġ persuni għall-industrija tat-turiżmu u l-ospitalità li joffri pajjiżna lil min jiġi jżuru.
Sadanittant, problemi oħra li hemm fl-ITS bħalissa jinkludu ċerti deċiżjonijiet li ttieħdu b’rabta mal-korsijiet li joffri l-Istitut. Dawn qed iħassbu u jinkwetaw sew lil-Lecturers għax se jkollhom effett negattiv fuq l-istudenti. Fost oħrajn hemm deċiżjoni li ttieħdet, anke f’dan il-każ mingħajr konsultazzjoni ma’ ħadd, li jitnaqqsu bil-kbir is-sigħat ta’ tagħlim tal-lingwi, bħall-Ġermaniż, il-Franċiż, it-Taljan u l-Ispanjol. Korsijiet oħrajn li ntlaqtu kienu dak tal-gwidi, li minn 300 siegħa fuq sentejn tnaqqas għal 28 siegħa biss, u dak tad-Diploma, li wkoll tnaqqas għal 28 siegħa minn 90 siegħa fuq sena.
Dan it-tnaqqis qed iseħħ hekk kif issa li beda s-Sajf, l-ITS qed iħejji biex iniedi numru ta’ korsijiet ġodda. In-nuqqas ta’ stabbiltà fit-tmexxija tal-ITS ilu minn meta kien elett Gvern Laburista. F’Mejju 2013, Claire Zammit Xuereb tneħħiet minn Chairperson tal-ITS biex minflokha nħatar propju Ernest Azzopardi, li issa rriżenja.
Kariga oħra li ilha vakanti ferm aktar hi dik ta’ Direttur Eżekuttiv tal-Istitut. Din issa ilha vojta għal kważi sitt xhur wara li f’Jannar 2014, il-Gvern ma ġeddidx il-kuntratt ta’ Adrian Mamo, li kien f’din il-kariga. Minfloku, s’issa, għadu ma nħatar ħadd biex b’hekk bħalissa l-ITS jinsab mingħajr Chairman u Direttur Eżekuttiv, minkejja li huma l-aktar żewġ karigi importanti fit-tmexxija.
//= $special ?>