Futbol Sport

Liverpool u Barcelona jilħqu ftehim dwar Suarez

TRASFERIMENTI: Liverpool u Barcelona laħqu ftehim dwar it-trasferiment tal-attakkant Luis Suarez. Hu mifhum li Barcelona se jħallsu lil Liverpool is-somma ta’ madwar 75 miljun lira sterlina għal Suarez, plejer ta’ 27 sena li tul dawn l-aħħar ġimgħat kien fiċ-ċentru tal-aħbarijiet.

Dan għaliex hu, waqt il-logħba mill-fażi tal-gruppi tat-Tazza tad-Dinja bejn l-Urugwaj u l-Italja gidem lid-difensur Taljan Giorgio Chiellini. Ta’ dan Suarez ġie sospiż disa’ partiti mal-Urugwaj u erba’ xhur minn kull attivita relatata mal-futbol.
Suarez hu mistenni jiffirma kuntratt ta’ ħames snin.

Fl-istaġun li għadda Suarez spiċċa bħala l-aqwa skorer tal-Premiership Ingliż b’31 gowl. Hu kien ingħaqad ma’ Liverpool fl-2011 mingħand Ajax għas-somma ta’ 22.7 miljun lira sterlina. Minħabba s-sospensjoni li ngħata Suarez mhux biss ma jistax jilgħab fl-ewwel parti tal-istaġun ma’ Barcelona imma lanqas jista’ jiġi ippreżentat lill-midja fil-Camp Nou.

Fl-ewwel kummenti li ta hekk kif ħarġet din l-aħbar, Suarez qal, “Nittama li kulħadd jifhem għaliex ħadt din id-deċiżjoni. Liverpool għamlu minn kollox biex jippreswaduni nibqa’ imma li nilgħab u noqgħod fi Spanja hi ħolma għalija.”

Min-naħa tiegħu l-kowċ ta’ Liverpool Brendan Rodgers irringrazzja lil Suarez tas-servizz li ta lill-klabb f’dawn l-aħħar snin.

Se jappella mal-CAS
Intant, l-avukat ta’ Suarez, Alejandro Balbi ikkonferma li se jressaq l-appell tas-sospensjoni li ngħata l-klijent tiegħu quddiem il-Qorti tal-Arbitraġġ Sportiv (CAS).

Il-Ħamis il-FIFA kienet ħabbret li ma laqatx l-appell tal-FA tal-Urugwaj u ta’ Suarez innifsu.

Suarez jista’ jitlob lill-CAS biex jipposponi s-sospensjoni sakemm tittieħed deċiżjoni finali u b’hekk ikun jista’ jilgħab immedjatament ma’ Barcelona. Madankollu, jekk il-CAS ma jilqax l-appell, dan jista’ saħanistra jżid is-sospensjoni.