Il-Bank Ċentrali ta’ Malta (BĊM) qed ifakkar il-200 sena mit-twaqqif tal-Korp tal-Pulizija b’munita kommemorattiva taż-€2. Il-preżentazzjoni tal-munita saret mill-Gvernatur tal-BĊM Prof Josef Bonnici lill-Aġent Kummissarju tal-Pulizija Ray Zammit fil-Bank Ċentrali stess. Il-Gvernatur ippreżenta wkoll ġabra ta’ simpożji li saru fl-aħħar snin mill-BĊM. Preżenti għal din iċ-ċerimonja kien hemm ukoll l-eks Kummissarju tal-Pulizija Peter Paul Zammit u numru ta’ Uffiċjali oħra tal-Korp.
Fuq in-naħa ta’ quddiem tal-munita wieħed isib is-simbolu komuni taż-€2, filwaqt li fuq in-naħa l-oħra, hemm l-emblema tal-Korp tal-Pulizija. In-naħa ta’ quddiem kienet iddisinjata u mnaqqxa minn Noel Galea Bason u maħduma fir-Royal Dutch Mint. Minn din il-munita nħarġu biss 300,000 waħda, li diġà huma mibjugħa kollha. Il-Korp tal-Pulizija se jkun qed iqassam dawn il-muniti lill-Uffiċjali tiegħu, kif ukoll lil eks Uffiċjali li rtiraw mis-servizz.
Wara li flimkien mal-Uffiċjali tal-Korp iddawwar ma’ wirja ta’ memorabilia mill-Mużew tal-Pulizija ta’ Malta, li tinsab għall-wiri fil-bini prinċipali tal-BĊM, il-Gvernatur Josef Bonnici rringrazzja lill-Korp tal-Pulizija tal-kontribut kbir li jagħti lill-Bank Ċentrali, b’mod speċjali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ invstigazzjonijiet dwar frodi.
Min-naħa tiegħu, l-Aġent Kummissarju Ray Zammit irringrazzja lill-BĊM f’isem il-Korp tal-Pulizija kollu u wiegħed li l-ħidma u l-koperazzjoni bejn iż-żewġ naħat se jkomplu bl-aħjar mod possibbli. Anke l-eks Kummissarju tal-Pulizija Peter Paul Zammit tkellem dwar l-importanza tal-ħidma bejn il-Pulizija u l-BĊM għal pajjiżna, filwaqt li qal li 200 sena ta’ storja jfissru 200 sena ta’ ħidma għall-pajjiż.
Il-Korp tal-Pulizija ta’ Malta hu wieħed mill-eqdem Korpi tal-Pulizija fl-Ewropa. Hu ġie mwaqqaf fil-bidu tal-perjodu kolonjali Brittaniku fl-1814 mill-ewwel Gvernatur ta’ Malta Sir Thomas Maitland.
Ktieb għall-bejgħ b’ritratti tas-sezzjonijiet kollha tal-Korp
Sadanittant, waqt ċerimonja separata li saret fil-jiem li għaddew fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, il-fotografu Stephen Busuttil ippreżenta lill-Korp ktieb li fih aktar minn 500 ritratt meħuda minnu fuq perjodu ta’ disa’ snin.
Fir-ritratti, hemm inklużi s-sezzjonijiet kolla tal-Korp, fosthom ta’ sezzjonijiet speċjalizzati bħall-Forensika u s-Cyber Crime. Preżenti għal din iċ-ċerimonja kien hemm l-Aġent Kummissarju Ray Zammit flimkien mal-ogħla Uffiċjali tal-Korp tal-Pulizija.
Il-ktieb, li jiswa €25, se jkun għall-bejgħ mill-Mużew tal-Kwartieri tal-Pulizija jew mill-attivitajiet li l-Korp qed jorganizza bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-200 sena mit-twaqqif tiegħu.
//= $special ?>