Internazzjonali

Spielberg ikkritikat għaliex ‘qatel’ dinosawr

L-ISTATI UNITI: Id-direttur tal-films Steven Spielberg qed ikun ikkritikat fuq l-internet wara li tpoġġa ritratt tiegħu jippoża ma’ dinosawr ‘mejjet’.

Fil-verità r-ritratt kien meħud fl-1993 meta kien qed jidderieġi l-film ‘Jurassic Park’ u r-ritratt tpoġġa fuq Facebook bħala ċajta minħabba polemika li hemm fl-Istati Uniti dwar mudella magħrufa li poġġiet ritratti tagħha ma’ annimali esotiċi li qatlet peress li dilettanta tal-kaċċa.

Imma ħafna kienu dawk li apparti ma għarfux lil Spielberg, ħasbu li għaliex tpoġġa fuq Facebook allura hu ritratt reali u lanqas huma konxji li dawn l-annimali ilhom miljuni ta’ snin li għebu minn wiċċ id-dinja.

Ħafna kienu l-kummenti li tpoġġew taħt ir-ritratt li kkritikaw lil Spielberg talli qatel lil dan l-annimal u oħrajn anki wara li kienu infurmati li kien Spielberg qalu li ma kinux se jaraw aktar films tiegħu għaliex qatel dinosawr.

S’issa r-ritratt kellu aktar minn 9,000 ‘Like’ u tqassam aktar minn 30,000 darba filwaqt li għalih tpoġġew 5,000 kumment.

Issa l-persuna li poġġiet dan ir-ritratt, biex tkompli ċ-ċajta poġġiet ritratt ta’ Spielberg mal-mudell tal-kelb il-baħar meta ħadem ‘Jaws’ fl-1975 u kitbet li hemm bżonn li din il-persuna tkun identifikata għaliex qed toqtol dawn l-annimali kollha.