It-tfal kollha għandu jkollhom l-istess opportunitajiet u aċċess miftuħ biex jieħdu sehem fis-summer schools, speċjalment dawk it-tfal li għandhom ħtiġijiet speċjali u tfal b’diżabbiltà. Fi stqarrija f’isem il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni Joe Cassar, il-Partit Nazzjonalista nnota li l-familji ta’ tfal b’diżabbiltà u bi bżonnijiet speċjali qed jiltaqgħu ma’ diffikultajiet biex uliedhom ikunu jistgħu jattendu summer schools tal-għażla tagħhom.
Dawn it-tfal għandhom jingħataw l-għajnuna u l-appoġġ kollu biex ikunu jistgħu jattendu f’dawn iċ-Ċentri mingħajr xkiel. Il-PN appella biex permezz ta’ għajnuniet finanzjarji jew ta’ riżorsi umani oħra, il-Gvern jgħin lis-summer schools kollha, fosthom dawk tal-Knisja u tas-settur privat, biex tfal bi bżonnijiet speċjali jkunu jistgħu jieħdu sehem bħal tfal oħrajn.
Il-PN qal li jemmen li dan l-impenn għandu jwassal biex it-tfal kollha jingħataw aċċess ugwali u mingħajr distinzjoni, filwaqt li jkun mezz ieħor kif tkompli titjieb l-inklużjoni soċjali minn età żgħira. Din ir-responsabbiltà għandha tkun tal-Gvern, li jipprovdi l-mezzi ħalli dawn it-tfal jipparteċipaw bis-sħiħ fis-summer schools li jixtiequ, mingħajr ma jkun ta’ xkiel għalihom minħabba nuqqas ta’ riżorsi li din l-opportunità tkun possibbli.
L-istqarrija fakkret li kien Gvern Nazzjonalista li estenda l-appoġġ tal-Learning Support Assistants (LSAs) fl-Iskejjel ta-Knisja u fl-Iskejjel Privati għal tfal b’diżabbiltà u bi bżonnijiet speċjali. Issa wasal iż-żmien li l-Gvern Laburista jkompli fuq dawn il-passi u jestendi dan is-servizz fis-summer schools tal-Knisja u dawk Privati, speċjalment għal dawk it-tfal l-aktar fil-bżonn.
Fi tmiem l-istqarrija, il-PN awgura esperjenza sabiħa u edukattiva lil dawk it-tfal kollha li qed jieħdu sehem f’summer schools, kemm dawk organizzati mill-Gvern, kif ukoll mill-Knisja u mis-settur Privat.
//= $special ?>