Sport Sport Ieħor

Trentin jirbaħ is-seba’ tappa

TOURE DE FRANCE: Iċ-ċiklist Taljan Matteo Trentin rebaħ is-seba’ tappa tat-Tour de France li kienet twila 234.5km minn Epernay sa Nancy. Trentin għeleb l-isfida ta’ Peter Sagan f’finali photo-finish filwaqt li Tony Gallopin spiċċa fit-tielet post.

Għat-tielet ġurnata konsekuttiva reġa’ kien hemm diversi ċiklisti, fosthom Danny van Poppel, Darwin Atapuma u Stef Clement li waqgħu minn fuq ir-rota u kienu kostretti jirtiraw.

Wara r-riżultati tal-bieraħ ma kien hemm l-ebda tibdil fil-klassifika ġenerali u b’hekk iċ-ċiklist Taljan Vincenzo Nibali baqa` jokkupa l-ewwel post. Nibali ta’ Astana għandu vantaġġ ta’ żewġ sekondi fuq Jakob Fuglsang li hu wkoll ta’ Astana. Fit-tielet post hemm Sagan.

Iċ-ċiklist Brittaniku Mark Cavendish qal li qed jirkupra tajjeb mill-inċident li kellu fl-ewwel tappa imma xorta waħda hu mistenni jitlef il-Logħob tal-Commonwealth li se jsiru fil-belt ta’ Glasgow aktar tard dan ix-xahar.