Lokali

Wara li għaddiet il-liġi, il-Ministru tistieden lill-Forum tal-PN biex jipparteċipa f’Kunsill Konsultattiv

Il-Ministru Helena Dalli issa stiednet lill-Forum Opportunitajiet Indaqs tal-PN biex jipparteċipa fil-Kunsill Konsultattiv li kien responsabbli biex tħejjiet il-liġi dwar l-Unjoni Ċivili u dwar l-adottazzjoni tat-tfal minn koppji tal-isteess sess.

Fit-tħejjiet għal-liġi tal-Unjoni Ċivili, il-Partit Nazzjonalista kien tħalla barra minn dan il-Kunsill Konsultattiv. Din l-istedina l-Ministru Dalli għamlitha waqt diskors li ghamlet fi tmiem il-Gay Parade li saret fi Triq Ir-Repubblika fil-Belt u li għaliha attendew rappreżentanti mill-Gvern, mill-Oppożizzjoni u mill-Alternattiva Dmeokratika.

Sar ukoll diskors mill-koordinatur tal-MGRM Gaby Calleja li sostniet li t-tfal m’humiex dritt iżda huma rigal.

Fid-diskors tagħha f’isem il-PN, il-President tal-Kunsill Ġenerali tal-PN Paula Mifsud Bonnici qalet li l-PN dejjem ipparteċipa f’din l-attivita’ organizzata mill-komunita gay u li tul is-snin il-PN wettaq hafna riformi favur l-ugwaljanza fis-soċjeta’ u kontra d-diskriminazzjoni.

Hi sostniet fl-aħħar xhur il-PN waqqaf ukoll il-Forum Opportunitajiet Indaqs biex ikompli jirriforma l-politka tiegħu f’dan is-settur. Il-Ministru Helena Dalli irriferiet għat-80% tal-poplu li huma kontra l-adottazzjoni tat-tfal minn koppji tal-istess sess u qalet li l-Gvern baqa’ għaddej bil-liġi għaliex ma riedx li fil-pajjiż ikun hawn tirranija tal-maggoranza.

Hi sostniet li mhux minnu li fil-liġi dwar l-addozzjoni tat-tfal minn koppji gay l-affarijiet saru bil-għaġla, anzi l-pajjiż kien miexi bil-mod wisq.