Qorti

Aġġornata: Żewġ persuni oħra jitressqu l-Qorti dwar il-qtil ta’ messaġġier tal-BoV 14-il sena ilu

Żewġt irġiel magħrufin sew mal-Pulizija, Christopher Scerri ta’ 35 sena minn Tal-Pietà magħruf bħala “Buttuni” u anke “Gazzetti” u James Vella ta’ 33 sena minn Ħal Qormi magħruf bħala l-“Frejżer”, ġew mixlijin quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella bil-qtil li seħħ 14-il sena ilu tal-messaġġier ta’ Bank of Valletta Alfons Ferriggi mill-Ħamrun fuq l-għatba tal-fergħa tal-bank f’San Ġwann.

Dwar dan il-qtil, li seħħ fit-18 ta’ Settembru 2000, diġà ġew ikkundannati żewġ persuni oħra. Iż-żewġ akkużati ġew mixlijin li, għall-ħabta tal-5.30am f’San Ġwann u flimkien ma’ persuni oħrajn, sparaw fid-direzzjoni ta’ Alfons Ferriggi u qatluh. Huma ġew mixlijin ukoll li serqu diversi dokumenti bankarji b’dannu għall-BoV, li żammew lil Ferriggi kontra l-volontà tiegħu, li sparaw l-arma f’distanza ta’ 200 metru f’post abitat, li kellhom arma mingħajr permess u liċenzja tal-Pulzija, li wettqu dannu fuq karozza tal-BoV u li serqu karozza tat-tip Volkswagen Golf għad-dannu ta’ Alessandro Loporto.

Vella u Scerri wieġbu mhux ħatja, b’Vella jinstema’ wkoll jgħid fl-Awla li ma jaf xejn dwar dan il-każ. Għall-akkużati deher l-Avukat Franco Debono, li oġġezzjona għall-arrest u talab lill-Prosekuzzjoni tgħid għaliex tressqu. L-Ispettur Chris Pullicino u Keith Arnaud, li nvestigaw il-każ, qalu li wara li semgħu l-ġurijiet ta’ Richard Grech u Joe Zammit, għamlu review tal-każ u reġgħu kellmu xhieda mportanti. Minn hemm sabu provi ġodda, li jinkludu provi forensiċi, u għalhekk iddeċiedew li jressquhom.

Fis-snin li għaddew, Richard Grech, ta’ 47 sena minn Ħal Qormi u magħruf bħala “Iz-Zinanna” kien għadda ġuri dwar dan il-każ u kien ġie kkundannat għal għomru l-ħabs wara li nstab ħati tal-qtil ta’ Ferriggi, f’ġuri li kien sar f’Mejju 2011. Meta kien xehed dwar il-każ fil-ġuri tiegħu, kien semma’ lil Scerri u lil Vella bl-involviment tagħhom f’dan il-qtil. Qal li Scerri kien il-moħħ wara l-omiċidju. Kien tenna wkoll li hu ma kienx fuq ix-xena tad-delitt u sostna li kien ħareġ mill-karozza biex imur jixrob, filwaqt li Scerri u Vella marru fil-post biex iwettqu l-hold-up.

Fil-ġuri kien ħareġ ukoll li Richard Grech kien ftaħar man-nies li kien hu li qatel lil messaġġier, iżda meta kien mistoqsi dwar dan, qal li kien għamel hekk għax kien mhedded.

Sadanittant, Joe Zammit ta’ 57 sena minn Ħal Qormi, kien ingħata sentenza ta’ 30 sena priġunerija wara li kien instab ħati ta’ kompliċità f’ġuri li kien sar fl-2009.

Meta kien sparat it-tir fatali ta’ senter li laqtu f’rasu ftit minuti wara li ħareġ mill-karozza, Ferriggi, li kellu 42 sena, ma kien qed iġorr xejn partikolari jew ta’ valur ħlief posta tal-bank. Għall-ħabta tal-5.30am, l-aggressur u l-persuni l-oħrajn involuti waqfu bil-vettura quddiem il-fergħa tal-bank u l-aggressur qatel lill-vittma kiesaħ u biered wara li dan kien ilu jiġi segwit.

Id-Difiża għamlet talba għall-ħelsien mill-arrest ta’ Scerri u Vella. Din it-talba sabet oppożizzjoni qawwija min-naħa tal-Prosekuzzjoni. It-talba ġiet miċħuda mill-Maġistrat Gabriella Vella f’dan l-istadju hekk bikri.

Aktar kmieni …

Għall-ħabta ta’ 12pm, mistennija jitressqu quddiem il-Qorti żewġ persuni oħra b’rabta mal-qtil ta’ messaġġier tal-Bank of Valletta, li kien seħħ fit-18 ta’ Settembru 2000 quddiem il-fergħa tal-Bank f’San Ġwann. Il-messaġġier, Alphonse Ferriggi, kien qed iwassal xi ittri meta ntlaqat b’tir mill-viċin f’rasu u kawża ta’ hekk miet fil-post. Dawk involuti fil-każ ħasbu li minflok ittri, fil-boroż kien qed iġorr xi flus.

Richard Grech, magħruf bħala “iz-Zinanna” minn Ħal Qormi, kien instab ħati tal-qtil ta’ Ferriggi u ntbagħat għomru l-ħabs. Ix-xufier, Joseph Zammit minn Ħal Qormi, kien ġie kkundannat għal 30 sena ħabs wara li nstab ħati ta’ kompliċità fil-qtil f’ġuri li kien seħħ fl-2009. Grech kien waħħal ukoll f’żewġ irġiel oħra, James Vella magħruf bħala “il-Frejżer” u Chris Scerri magħruf bħala “Gazzetti” jew “Buttuni”.

Richard Grech kien saħaq li l-moħħ wara dan kollu kien propju James Vella.