Lokali

Il-Partit Nazzjonalista jfakkar mitejn sena mit-twaqqif tal-Korp tal-Pulizija

Illum pajjiżna qiegħed jiċċelebra mitejn sena mit-twaqqif tal-Korp tal-Pulizija. F’din l-okkażjoni, il-Partit Nazzjonalista jsellem lil kull min ta sehemu u ħajtu sabiex il-Korp jiġi żviluppat f’korp dixxiplinat modern u li hu l-iprem għodda biex tkun imħarsa l-libertà, tkun miksuba l-ġustizzja u tkun garantita s-saltna tad-dritt.

Fi stqarrija maħruġa milll-Kelliem għall-Intern Jason Azzopardi saħaq li l-istorja ta’ dawn il-mitejn sena għalmitna li tmexxija serja u ta’ integrità tal-Korp tal-Pulizija hi essenzjali għall-iżvilupp demokratiku u s-sigurtà ta’ pajjiżna. Tul is-snin, eluf ta’ Pulizija għamlu ġid kbir bis-servizz tagħhom, anke billi ssugraw ħajjithom u ċarċru demmhom għall-ġid tas-soċjetà tagħna. Il-Partit Nazzjonalista jsellem mill-qalb lil dawn il-membri tal-Korp tal-Pulizija, inkluż dawk kollha li bħalissa qegħdin jagħtu servizz siewi fir-rwoli differenti tagħhom.

Fl-istess waqt, pajjiżna għandu jagħraf jitgħallem mill-iżbalji tiegħu. Ikun żball jekk ma nitgħallmux mill-okkażjonijiet meta l-Korp tal-Pulizija kienet imtappna bl-indħil politiku u meta dawk li kellhom id-dmir li jħarsu lill-poplu kienu huma stess li wettqu abbuż u kienu għodda ta’ inġustizzja. Ikun żball jekk ninsew li fil-passat fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija kien hemm min ġie ttorturat, framed u saħansitra anke maqtul.

Jason Azzopardi kompla jgħid li wieħed mill-perikli kbar għal kull demokrazija u s-saltna tad-dritt hu l-indħil politku fl-operat tal-Korp għax jherrih minn ġewwa. Huwa sors ta’ dieqa li f’dawn l-aħħar 14-il xahar rajna indħil kontinwu fil-Korp mill-politiċi, minn transfers vendikattivi għal ħwejjeġ ħafna aktar serji. Ilkoll aħna xhieda tal-umiljazzjoni li sofra l-Korp meta l-Pulizija tqabbdu jagħmlu xogħol li mhuwiex tagħhom, ta’ meta l-ogħla uffiċjal kien indaħal biex Sindku taqbeż il-kju tal-vapur ta’ Għawdex u l-abbuż ta’ poter li seħħ meta l-istess ogħla uffiċjal kien indaħal f’inkjesta biex jgħatti xtur il-politiku, meta ġew ikkastigati u umiljati l-Pulizija li wettqu dmirhom u meta b’mod illegali twaqqfu proċeduri kriminali kontra min ħebb għall-Pulizija fl-Għassa tagħhom.

Hi ħasra wkoll li f’din l-okkażjoni tant għażiża l-Korp qiegħda titmexxa minn Aġent Kummissarju wara r-riżenja sfurzata tal-Kummissarju preċedenti. Ir-responsabbiltà ta’ dan kollu taqa’ fuq spallejn il-Prim Ministru, li għandu jiżgura li tkun imħarsa d-dinjità tal-Korp tal-Pulizija u li dan ikun mezz biex kulħadd ikun indaqs quddiem il-liġi, u mhux għodda partiġjana.

Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista awgura lill-Aġent Kummissarju tal-Pulizija Raymond Zammit għax-xogħol il-ġdid tiegħu. Nistennew li l-Aġent Kummissarju jkun fidil lejn il-ġurament li ħa bħala Pulizija u lejn ir-responsabbiltajiet marbuta mal-ħatra tiegħu. Ir-responsabbiltà finali tal-Aġent Kummissarju hu lejn il-poplu Malti u lejn iċ-ċittadini onesti. F’dan kollu, il-Kummissarju u l-Korp tal-Pulizija se jsibu l-appoġġ u s-sostenn tal-Partit Nazzjonalista. Imma daqstant ieħor se jsibu lill-Partit Nazzjonalista jiddefendi lil kull min jisfa’ vittma tal-abbuż tal-poter.

Il-Partit Nazzjonalista ikkonkluda li f’dan il-mument sabiħ iżda wkoll diffiċli għall-Korp tal-Pulizija, jrid jwassal messaġġ ta’ ringrazzjament u apprezzament lill-Pulizija kollha u jassigurahom mill-appoġġ sħiħ tiegħu biex il-Korp tal-Pulizija jkompli miexi ’l quddiem għall-ġid tal-pajjiż kollu.