Is-Sibt tnax ta’ Lulju huwa l-mitejn anniversarju mit-twaqqif tal-Korp tal-Pulizija. Għal din l-okkażżjoni saret parata ċerimonjali fi Pjazza San Ġorġ fil-Belt Valletta.
Il-parata bdiet bis-sehem tal-banda tal-Korp tal-Pulizija u l-Gwardja tal-Unur.
Imbgħad wasal l-Agent Kummissarju tal-Pulizija, Ray Żammit, segwit mill-Ministru tal-Intern u Sigurta’ Nazzjonali, Manuel Mallia, l-Aġent Prim Ministru George Vella u l-President ta’ Malta, Marie Louise Coleiro Preca.
Għal din l-attivita’ attendew ukoll l-għola istituzzjonijiet tal-pajjiż fosthom membri tal-Kabinett, il-Kap tal-Oppozizzjoni Simon Busuttil, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Intern u s-Sigurta’ Nazzjonali, Jason Azzopardi u l-Arċisqof Pawlu Cremona.
Matul din iċ-ċeremonja saret l-ispezzjoni tal-gwardja tal-unur mill-President ta’ Malta u ġew imberkin mill-Arċisqof Cremona żewġ standardi podda; l-istandard nazzjonali u l-istandard tal-Korp tal-Pulizija. Dawn ġew imbgħad preżentanti lill-Korp mill-President ta’ Malta.
F’messaġġ qasir, il-President qalet li dawn l-istandardi huma simbolu tal-identita’ tal-Korp tal-Pulizija. Hi qalet li l-ġurnata tas-Sibt, li kienet qed tfakkar il-mitejn anniversarju mit-twaqqif tal-Korp tal-Pulizija, għandha tibqa’ ġurnata memorabbli fl-istorja tal-Korp.
Hi fakkret ukoll li l-Korp kien twaqqaf meta f’pajjiżna kienet qed issir riforma importanti fil-qasam tal-Ġustizzja. Fakkret ukoll li bi storja li tmur lura mitejn sena, Malta għandha wieħed mill-eqdem Korpi tal-Pulizija fl-Ewropa.
//= $special ?>