Il-Ministru Helena Dalli issa stiednet lill-Forum Opportunitajiet Indaqs tal-PN biex jipparteċipa fil-Kunsill Konsultattiv li kien responsabbli biex tħejjiet il-liġi dwar l-Unjoni Ċivili u dwar l-adozzjoni tat-tfal minn koppji tal-istess sess.
Fit-tħejjiet għal-liġi tal-Unjoni Ċivili, il-PN kien tħalla barra minn dan il-Kunsill Konsultattiv.
Din l-istedina l-Ministru Dalli għamlitha waqt diskors li għamlet fi tmiem il-Gay Parade li saret fi Triq Ir-Repubblika fil-Belt u li għaliha attendew rappreżentanti mill-Gvern, mill-Oppożizzjoni u mill-Alternattiva Demokratika. Sar ukoll diskors mill-koordinatur tal-MGRM Gaby Calleja li sostniet li t-tfal m’humiex dritt iżda huma rigal.
Fid-diskors tagħha f’isem il-Partit Nazzjonalista, il-President tal-Kunsill Generali tal-Partit Nazzjonalista Paula Mifsud Bonnici qalet li l-PN dejjem ipparteċipa f’din l-attivita organizzata mill-komunita gay u li tul is-snin il-PN wettaq ħafna riformi favur l-ugwaljanza fis-soċjeta u kontra d-diskriminazzjoni. Hi sostniet fl-aħħar xhur il-PN waqqaf ukoll il-Forum Opportunitajiet Indaqs biex ikompli jirriforma l-politka tiegħu f’dan is-settur.
Il-Ministru Helena Dalli irriferiet għat-80 fil-mija tal-poplu li huma kontra l-adozzjoni tat-tfal minn koppji tal-istess sess u qalet li l-Gvern baqa’ għaddej bil-liġi għaliex ma riedx li fil-pajjiż ikun hawn tirranija tal-maggoranza.
Hi sostniet li mhux minnu li fil-liġi dwar l-addozzjoni tat-tfal minn koppji gay l-affarijiet saru bil-għaġġla, anzi l-pajjiż kien miexi bil-mod wisq.
//= $special ?>