L-Ordni ta’ San Ġwann ta’ Ġerusalemm, Kavallieri Ospitalieri fi ħdan il-Gran Prijorat Russu ta’ Malta fakkret il-50 anniversarju mit-twaqqif tagħha permezz ta’ ikla lir-refuġjati fil-Kummissjoni Emigranti, il-Belt is-Sibt filgħodu.
Paul V. Borg, il-Gran Kmandant ta’ din l-Ordni fisser li, fil-prinċipju, din l-Ordni filantropika baqgħet tgħin lil min hu fil-bżonn, kemm fil-faqar, fis-saħħa u fil-moralita’ ta’ l-individwu. L-Ordni twaqqfet fis-Seklu 16 u l-valuri li tħaddan għadhom rilevanti llum.
Paul V. Borg qal li l-Ordni hi mfittxija ħafna u qed jittama li aktar membri jissieħbi fiha. Hu stqarr li l-membri preżenti qed jaqdu dmirijiethom favur il-proxxmu u għal din l-okkażjoni, flok sar ballu għall-istess membri, ġie deċiż li l-Ordni tisponsorja ikla lill-emigranti.
Mistoqsi dwar ir-rwol tiegħu fl-Ordni, Paul V. Borg fisser li m’hemm ebda individwu li għandu poteri assoluti. L-Ordni hi mmexxija minn Kunsill Sovran u d-demokrazija hi wkoll applikata f’assoċjazzjoni bħal din. L-Ordni hi wkoll istituzzjoni ekumenika għax taċċetta fi ħdanha r-reliġjonijiet kristjani kollha, mhux biss il-Kattoliċi, imma kull min hu mgħammed. Hu qal li r-rwol tiegħu hu bħal kull min aċċetta l-pożizzjoni ta’ kap< jiġifieri qed imexxi u jara li l-merħla tiegħu miexja fid-direzzjoni t-tajba.
Samuel Gebremariam u l-familja tiegħu, li kienu refuġjati f'Malta u wara sitt snin ibbenefikaw minn programm ta' ripatrijazzjoni fl-istat ta' Ohio fl-Istati Uniti, huma storja ta' suċċess għax integraw ruħhom fis-soċjeta' Maltija. Bħalissa jinsabu fuq btala f'Malta u ġew mistiedna għal din l-attivita' organizzata mill-Ordni ta' San Ġwann ta' Ġerusalemm. Hu jinsab grat ħafna għall-ġenerożita' kbira li l-poplu Maltija wera miegħu u mal-familja tiegħu. Samuel Gebremariam fisser li hu kien għamel żmien ibiegħ il-ħut f'Għawdex sakemm sab impjieg bħala mekkanik tal-karozzi mal-kumpanija Avis tal-kiri tal-vetturi. Gebremariam, li hu mill-Etjopja, xtaq ħafna jibqa' f'Malta għax id-distanzi minn post għal ieħor huma qosra u l-ospitalita' tan-nies hi inkredibbli. Iż-żewġ uliedu bniet twieldu Malta iżda martu ħeġġitu biex, jekk tinqala' l-opportunita', imorru jgħixu f'pajjiż ieħor. Meta mar jgħix fl-Istati Uniti hu reġa' sab l-istess xogħol u jinsab kuntent ħafna.
//= $special ?>