Kull tifel u tifla għandu jgawdi minn aċċess sħiħ għall-istituzzjonijiet edukattivi ta’ pajjiżna, kemm fis-sistema edukattiva formali tax-xitwa, kif ukoll fis-summer schools.
Il-Forum Opportunitajiet Indaqs tal-Partit Nazzjonalista jesprimi t-tħassib tiegħu għall-fatt li minħabba raġunijiet varji, tfal bi bżonnijiet speċjali mhux dejjem qed ikollhom aċċess għall-istituzzjonijiet edukattivi kollha li jorganizzaw summer schools.
Il-Forum jisħaq illi kull student għandu jiġi ttrattat l-istess u jkun liberu biex jagħżel l-iskola li l-ġenituri jaħsbu li tkun l-aħjar għalih. Il-Ministeru tal-Edukazzjoni għandu jħares l-interessi ta’ kull student u jimplimenta fil-prattika l-prinċipju tal-inklużjoni. Sfortunatament jidher li din is-sena, l-ippjanar ta’ Skola Sajf kellu mankanzi kbar u anke fejn jidħlu l-applikazzjonijiet minn studenti bi bżonnijiet speċjali kien hemm nuqqas ta’ ippjanar u immaniġjar serju. Il-Forum Opportunitajiet Indaqs għalhekk jiġbed l-attenzjoni tal-Ministeru tal-Edukazzjoni u jfakkru li huwa id-dover tiegħu li jassigura opportunitajiet indaqs għal kull student bla ebda distinzjoni.
//= $special ?>