Internazzjonali

Battalji bejn il-milizzji qrib l-ajruport ta’ Tripli

IL-LIBJA: Gruppi tal-milizzji rivali iġġieldu l-battalji qrib l-ajruport internazzjonali ta’ Tripli u minkejja l-allegazzjonijiet preċedenti li l-istess rivali kienu ‘qablu’ biex iżommu lura mill-vjolenza fl-inħawi tal-kapitali.

L-aħħar rapporti qalu li mietu talanqas sitta, bi tletin jisfaw midruba, wara li ribelli anti-Iżlamiċi li ġejjin mir-reġjun ta’ Zintan u li jikkontrollaw iz-zona tal-ajruport spiċċaw attakkati minn milizzji rivali li jridu jokkupaw id-distrett inkwistjoni.

Mifhum li diversi titjiriet lejn Tripli (inklużi minn Malta) spiċċaw sospiżi fost ir-rapporti dwar l-isparaturi u l-isplużjonijiet kontinwi. Baqgħu l-art ukoll numru ta’ titjiriet li kellhom jitilqu minn Tripli u skont direttiva li kellha tibqa effettiva sal-ħin meta l-affarijiet jirritornaw għan-normal.

Il-ġellieda ‘ta’ Zintan’ ilhom jirreżistu l-attentati tal-militanti Iżlamiċi biex jaħtfu l-poter fil-Libja mindu kkrolla r-reġim tal-eks-dittatur Libjan, Muammar Gaddafi, fl-2011.

Filwaqt li mhix magħrufa l-identita preċiża tal-milizzji li attakkaw l-inħawi tal-ajruport, l-istampa Libjana qalet li dawn il-ġellieda qed jirreferu għalihom infushom bħala l-‘Qawwa għas-Sigurta u l-Istabbilta’.

Dan meta l-korrispondenti barranin irreferew għal ‘diversi theddid’ mingħand il-gruppi tal-milizzji rispettivi li huma ħerqana li jaħtfu u jokkupaw iz-zona ta’ Tripli li tinkludi fiha l-ajruport internazzjonali.

Il-Mexxejja tal-Gvern Libjan għadhom qed isibu l-problemi biex jirristawraw is-stabbilta fil-Libja fejn għadhom qed jiddominaw il-ħafna gruppi armati li feġġew mat-tmiem tal-gwerra ċivili tal-2011.

Sadanittant – u fl-assenza ta’ Armata effettiva – ir-ribelli jipprovdu ammont ta’ sigurta tul id-diversi bnadi tal-Libja filwaqt li jħarsu wkoll l-inħawi tal-fruntiera. Madankollu, l-entitajiet tal-milizzji huma akkużati dwar abbużi tad-drittijiet umani fil-Libja u meta huma, kemm il-darba, jaqbdu u jieħdu l-liġi b’idejhom.