Lokali Sport

ESKLUSSIVA: Ċirku ta’ frodisti f’Malta jisfruttaw plejers tal-futbol barranin

Jean Leite Lopes Xavier, plejer professjonali Brażiljan ta’ 24 sena, ħallas eluf kbar ta’ flus biex ġie f’pajjiżna wara li persuna f’Malta wegħditu li se jipprova jsiblu klabb fil-Premier League biex jilgħab miegħu. L-istorja ta’ Lopes taf il-bidu tagħha tard fl-2011 meta negozjant Brażiljan qallu li rċieva offerta mingħand persuna f’Malta, li offrielu li jekk għandu plejers taħt idejh dawn jista’ jsibilhom klabb tal-futbol f’Malta.

Offerta biex jiġi Malta

“Dak iż-żmien kelli 21 sena u kont ilni sena u nofs wieqaf mill-futbol. Dan in-negozjant f’Malta qalli li hemm numru ta’ klabbs interessati fija u kif nasal Malta kien se jkolli provi ma’ numru ta’ klabbs Maltin. Kien qalli wkoll li l-livell tal-futbol Malti mhux għoli u għalhekk jien kont kapaċi nilgħab fi kwalunkwe klabb tal-Kampjonat Premier,” irrakkonta Lopes.

F’età tant żgħira, mogħmi b’din il-wegħda ta’ futur prospettiv mill-aqwa, u biċ-ċans li pajjiżna jservi ta’ pjattaforma għal klabbs importanti fl-Ewropa, Lopes aċċetta u għalhekk sar kuntatt bejn in-negozjant fil-Brażil u dak li kien jgħix f’Malta u li suppost kellu ħafna kuntatti ma’ klabbs lokali.

“Qaluli li rrid inħallas il-biljett tal-ajru u spejjeż oħra. Wegħduni li jekk inħallas dawn il-flus inkun nista’ noqgħod għal tliet xhur f’Malta bħala turist u f’dan iż-żmien nilgħab ma’ klabb lokali,” kompla Lopes.

L-offerta lil Lopes kienet saret ukoll lil żewġt iħbieb oħra tiegħu. “Dan is-suppost negozjant li kien qed jgħix f’Malta kien talab li jien u sħabi l-oħraġ Leandro Ferreira Guglielmetti u Anderson Cardona Fernandes Braz, li kienu t-tnejn footballers professjonali u li ġew miegħi Malta, biex inħallsu €1,100 kull wieħed direttament f’idejh hekk kif naslu fil-pajjiż.”

Quddiem dawn is-somom kbar, Lopes tkellem mal-familja tiegħu għax kien diġà ħallas madwar €600 ewro għall-biljett tat-titjira mill-Brażil lejn Malta. “Kemm jien u sħabi l-oħra, iddeċidejna li nieħdu din l-opportunità u ħallasnieh. Dan in-negozjant saħansitra ċempilli u qalli li għalaq ftehim ma’ ċittadin Malti, sid ta’ kumpanija kbira fil-pajjiż u li allura kellu influwenza kbira fid-deċiżjonijiet. Qalilna li dan kien se jirranġalna biex nestendu l-permess ta’ residenza minn tlieta għal sitt xhur. Kompla li b’dan il-ftehim, hu faċilment seta’ jpoġġina fi klabb tal-Premier u nkunu kkunsidrati daqs l-atleti l-oħra,” żied Lopes.

Dan kompla jżid it-tama tal-plejers Brażiljani li kollox kien se jmur tajjeb u rraġunaw li issa li daħal fix-xena xi ħadd influwenti u Malti, allura kien se jkollhom ċans akbar li jsibu klabb tal-Premier.

Il-Brażiljani jintalbu aktar flus

Dan in-negozjant f’Malta kien jagħmel pressjoni u jinsisti ma’ dawn iż-żgħażagħ, tant li meta waslu Malta, u n-negozjant induna li kienu għadhom ma ħallsuhx, hu ċempel lil Lopes u b’rabja fakkru li mhux sew li ma ħallsux għar-residenza.

Il-flus li kien qed jitlob kienu biex ipoġġi lil dawn il-plejers f’residenza f’Birkirkara fejn kellhom jgħixu sakemm idumu Malta, u b’hekk ma jkunx hemm żieda fl-ispejjeż għall-klabb li jieħu lill-plejers. In-negozjant wegħdhom li dawn il-flus se jintużaw ukoll biex bl-influwenza tiegħu jirranġa ħalli jilgħabu fi klabb lokali.

Jikbru s-suspetti ta’ frodi

Lopes qal lil il-mument kif anke n-negozjant fil-Brażil beda jissuspetta. “Darba saħansitra ċempilli n-negozjant mill-Brażil u wissieni biex nieqaf ngħaddi flus lill-Malti għax mhux ta’ min jafdah,” kompla Lopes.

Imma meta n-negozjant f’Malta nduna li bdew iqumu d-dubji, u wara li l-plejers kienu għaddewlu l-pagamenti, Lopes irċieva ittra minn klabb tal-Premier.

“Kien invit falz li fih infurmawni li dan il-klabb partikolari jridni mmur għal prova. Kien dokument mimli firem foloz,” sostna Lopes li malli ra d-dokument kien ukoll talab parir lin-negozjant f’Malta. Hu qallu li ma kien jaf b’xejn imma stiednu jmur xorta għall-prova għaliex il-klabb kellu numru ta’ Brażiljani oħra u allura kellu iktar ċans jibqa’ magħhom.

Fl-isfond ta’ dan kollu, Lopes u sħabu għażlu li jħallsu kollox.

Il-Brażiljani jaslu Malta

“Wasalna Malta fis-7 ta’ Diċembru ta’ tliet snin ilu u sibnieh jistenniena l-ajruport b’ittra li tispjega min hu. Minn hemm ħadna direttament lejn ir-residenza fejn sibna sitt persuni oħra li kienu ngidmu bħalna – jien u sħabi, kif ukoll ħames Brażiljani oħra u Afrikan. L-Afrikan dam biss madwar tlett ijiem f’din id-dar. Disa’ persuni f’dar ta’ tliet sodod!” stqarr Lopes.

Bit-tama li jafdawh dejjem iktar, dan in-negozjant qalilhom li talli fdawh kien se jħallsilhom l-ikel u darba fix-xahar jagħtihom ukoll xirja. “Ma konniex nafu li l-flus li tajnieh spiċċajna ħallasna għal kull min kien hemm f’dik id-dar,” spjega Lopes.

Wara xahar jintalbu jmorru lura l-Brażil

Wara l-wasla tagħhom f’Malta, dawn il-plejers qattgħu ġimgħatejn f’din id-dar ma jagħmlu xejn. Meta bdew jissuspettaw staqsew lin-negozjant li qalilhom li ma jistax jieħodhom għand il-klabbs għaliex kien żmien il-Milied. F’dan iż-żmien huma marru biss għand il-klabb ta’ Żejtun Corinthians imma din kienet żjara ta’ darba għaliex qalilhom li l-klabb għalaq għall-Milied.

“Konna mmorru lura d-dar u ma nsibux ikel. Kont insajjar pakkett għaġin għalina kollha. Nieklu l-għaġin u nixorbu l-ilma”, jiftakar Lopes li kompla li kien hawn li bdew jirrealizzaw li kienu qed jiġu mqarrqa. “Bdejna niġru warajh u nsaqsuh dejjem iżjed dwar dak li kien qed jiġri. Imma iktar ma nsaqsu, iktar jitbiegħed minnha.

Wara xahar qalilna biex immorru lura lejn il-Brażil għax il-flus li konna ħallasnieh kienu spiċċaw u ma kien hawn l-ebda klabb li stajna nilgħabu miegħu. In-negozjant qalilna li hu kien se jkollu jsiefer, u allura kien ikun aħjar li nitilqu. Ħadilna l-flus, wegħdna li se noqgħodu Malta għal sitt xhur imma wara inqas minn xahar minn meta wasalna Malta konna spiċċajna bla flus.”

Bla flus, bil-ġuħ u fil-kesħa jfittxu klabb tal-futbol Malti

Lopes u sħabu bdew jinkwetaw, ċemplu lin-negozjant fil-Brażil li qalilhom li kien tkellem ma’ dak f’Malta li min-naħa tiegħu waħħal fih. “U aħna sadattant bla flus, bil-ġuħ u fil-kesħa. Agħar minn hekk irċivejna messaġġ li l-kera kienet se tiskadi f’temp ta’ xahrejn. Dan barra li kien se jiskadi wkoll iż-żmien tagħna biex nibqgħu Malta inkella niġu rrappurtati lill-uffiċċju tal-immigrazzjoni,” kompla Lopes.

Kien għalhekk li l-Brażiljani ddeċidew li jibdew iduru minn jeddhom, ifittxu klabb filwaqt li jistaqsu lil plejers Brażiljani li diġà kienu jgħixu Malta biex joffrulhom post fejn joqgħodu, ikel, flus jew kull tip ta’ għajnuna.

“Alla kien magħna u fetħilna bieb għal kull wieħed minnha,” jirrakkonta Lopes . “Sibna tliet klabbs li tawna l-assistenza kollha, ikel u flus. Irnexxielna nsibu wkoll Brażiljan li kien jgħix waħdu u daħħalna għandu – Thiago Mazzitelli li kien jilgħab mal-Imqabba. Wara xi żmien morna noqgħodu għand Jorginho ta’ Qormi.”

Fortunatament Jean u sħabu sabu klabbs oħra lokali li xtaqu jgħinuhom. Lejn nofs Jannar Jean beda jitħarreġ ma’ Fgura United, u fl-aħħar ta’ Jannar ngħaqad ma’ San Ġwann. Leandro ngħaqad ma’ Santa Venera Lightnings waqt li Anderson kien qrib li jiffirma ma’ Siġġiewi imma t-trasferiment tiegħu ttardja biex iseħħ. Dan tal-aħħar qatt ma lagħab fil-kampjonat imma biss f’logħba waħda ta’ ħbiberija. Dawn il-kumplikazzjonijiet wassluh biex irritorna l-Brażil għall-ħabta ta’ April.

Dikjarati illegali f’Malta

Din is-sitwazzjoni mhux biss telfet il-karriera ta’ Lopes imma wkoll nisslet fih dispjaċir kbir. “F’Malta qatt ma kelli problemi. Konna noqgħodu ġewwa ħafna drabi u qatt ma qlajna ġlied jew spiċċajna fl-inkwiet. Madankollu konna illegali għax min suppost irranġalna kollox kien daħak bina.”

Meta l-Brażiljani ġew biex iħallu l-pajjiż, l-awtoritajiet qalulhom li kienu illegali. “L-uffiċjali tal-immigrazzjoni ħadu fotokopja tad-dokumenti tagħna u qalulna li jekk irridu nirritornaw, l-ewwel kellna niksbu permess.”

Imwaqqaf milli jerġa’ jidħol f’Malta

Lura l-Brażil, Jean kien wasal biex jibda jilgħab il-futbol, din id-darba ma’ Saad Esporte Clube. Madankollu l-clearance minn Malta dam ma wasal u Jean tilef dan iċ-ċans ukoll. Ftit wara waslet opportunità biex hu jilgħab ma’ Radium Futebol Clube, klabb ieħor fil-Brażil.

Wara sentejn hu reġa’ kellu kuntatti minn klabbs Maltin, fosthom ma’ diriġent ta’ klabb tal-Premier u kuntatti ma’ klabb ieħor tal-Ewwel Diviżjoni. Huma tkellmu miegħu direttament u wrew l-interess li jingħaqad mal-klabbs tagħhom.

Għalhekk għamel kuntatt mal-Konsolat Brażiljan f’pajjiżna li nfurmawh li ladarba hu qatt ma ttella’ l-Qorti, jew ġie notifikat li kellu xi problemi f’Malta, allura hu ma kellux problemi biex jirritorna Malta. Kien għalhekk li fit-28 ta’ Jannar li għadda, Lopes reġa’ lura f’Malta biex ikun jista’ jittanta xortih ma’ dawn il-klabbs.

Imma malli wasal Malta hu nżamm milli jidħol fil-pajjiż u ġie nfurmat li jinsab fuq il-lista s-sewda u għalhekk miżmum milli jidħol f’Malta. “:ejt trattat qisni kelb imsawwat. Ma stajt niffirma l-ebda kuntratt, tlift affarijiet personali għax sar kollox bl-għaġġla, u bil-fixkla ankè ngħaddi mill-metal detector insejt,” kompla Lopes.

Minn Malta lejn it-Turkija 

Minn pajjiżna mar lejn it-Turkija fejn kellu offerta ankè minn dan il-pajjiż, imma l-istess, hawn sab il-problemi.

“Fit-Turkija skoprejt li lanqas f’dan il-pajjiż ma kont nista’ nidħol. Dan minbarra li kont miżmum milli nidħol f’xi pajjiż fiz-zona Schengen. Fit-Turkija ġejt trattat tajjeb imma kelli nistenna bejn tmienja u għaxar sigħat fl-ajruport sakemm waslet titjira oħra lejn il-Brażil. Hemm imbagħad spiċċajt nistenna madwar sitt sigħat oħra biex naqbad karozza tal-linja lejn il-belt fejn ngħix,” jirrakkonta Lopes.

“Qatt ma kelli problemi mal-Pulizija fil-Brażil jew f’Malta,” stqarr b’dispjaċir Lopes, “imma minħabba persuni b’intenzjonijiet ħżiena spiċċajt bla flus. Serquli d-dinjità tiegħi u ta’ sħabi. Qed inħallas ta’ xi ħaġa li jien ma naħtix fiha. Minflok vittma spiċċajt kriminal. L-unika ħolma li għandi hi li nirregolarizza l-pożizzjoni tiegħi, li xi ħadd iħenn għalija u jinvestiga,” temm Lopes.

Ifittex li ssir ġustizzja

B’hekk intemmet storja twila u diffiċli għal żagħżugħ li ma xtaq jagħmel xejn ħlief jibni karriera fl-isport li tant iħobbġ il-futbol. Imma minflok tilef eluf, spiċċa ffrodat, ibati l-ġuħ u l-għatx f’Malta u snin twal moħlija mill-karriera tiegħu.

Fl-aħħar, wara tant snin, jidher li feġġ dawl fi tmiem mina twila mudlama, hekk kif Lopes qed jinnegozja ma’ klabb f’:ibiltà. Madankollu għadu qed jistenna l-verdett biex ikun jaf jistax jidħol f’dan il-pajjiż, filwaqt li jkompli jittama li xi darba pajjiżna jagħmel ġustizzja miegħu.

Id-direzzjoni ta’ din il-gazzetta tiċċara li la l-klabbs li lagħbu jew kellhom prova magħhom il-Brażiljani, u l-klabbs tal-Premier League f’Malta li jissemmew fl-ittri foloz li ngħataw lil dawn il-plejers barranin ma jidhirx li għandhom x’jaqsmu ma’ dawn l-allegati każi ta’ frodi.