Lokali

Esklussiva: Paniku wara li żewġ minorenni “tħarrbu” lejn il-Ġermanja

minn: Il-MUMENT

Fl-aħħar ġimgħa reġa’ qam kjass kbir li jinvolvi żewġt itfal Ġermaniżi, ulied Sabrina Albrecht ta’ 30 sena mwielda Gera, il-Ġermanja, li kienu jinsabu taħt care order wara li fit-tielet ġimgħa ta’ Ġunju li għadda ttieħdu mill-kustodja ta’ ommhom minħabba akkużi fost oħrajn ta’ abbandun ta’ minorenniġ akkużi li l-omm qed tiċħad.

Iż-żewġ ulied subien – Jeramias ta’ erba’ snin u Jayden ta’ sentejn ittieħdu lura l-Ġermanja minn żewġ social workers Ġermaniżi li kienu Malta. Is-social workers Ġermaniżi kienu qegħdin jaġixxu wara li fl-4 ta’ Lulju li għadda, deċiżjoni ta’ Qorti Ġermaniża ppermettiet biex dawn it-tfal jintbagħtu lura l-Ġermanja.

L-aħħar żviluppi seħħew hekk kif is-social workers Ġermaniżi talbu lill-Aġenzija Appoġġ biex dawn iż-żewġ minorenni, li kienu ffosterjati minn familja, jieħduhom il-baħar. Madankollu jirriżulta li dawn il-minorenni spiċċaw inħarġu minn Malta, probabilment għaddew mill-ajruport internazzjonali ta’ Malta u ttieħdu lura lejn il-Ġermanja. L-Aġenzija Appoġġ kienet taf bil-preżenza ta’ dawn iż-żewġ social workers Ġermaniżi.

Filwaqt li l-omm, Sabrina Albrecht saret taf dwar dan kollu nhar l-Erbgħa li għadda, il-mument huwa infurmat li l-awtoritajiet konċernati kienu jafu jumejn qabel, jiġifieri t-Tnejn li għadda. Sorsi li tkellmu ma’ din il-gazzetta qalu li fost l-awtoritajiet Maltin li kienu jafu li ż-żewġ minorenni subien inħarġu minn Malta u spiċċaw il-Ġermanja hemm l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u l-Aġenzija Appoġġ. Madankollu kellhom jgħaddu jumejn biex is-social workers tal-Appoġġ għamlu kuntatt ma’ Sabrina Albrecht u għarfuha li uliedha kienu ttieħdu lura l-Ġermanja.

Meta kienet iffaċċjata b’din is-sitwazzjoni li qanqlet paniku kbir, l-omm talbet lill-avukat difensur tagħha Jean Paul Grech biex ikunu jistgħu jibdew proċeduri bit-tama li t-tfal jerġgħu jintbagħtu lura Malta. Nifhmu li l-omm qiegħda tipprotesta bil-kbir minħabba li dan il-manuvrar kollu sar mingħajr ma kienu segwiti l-proċeduri legali quddiem il-Qrati Maltin. Dan l-aħħar Sabrina Albrecht ingħatat il-libertà proviżorja hekk kif għadha għaddejja proċeduri quddiem il-Qorti ta’ Għawdex.

Intant, il-mument għandu informazzjoni li b’rabta ma’ dan il-każ ukoll, fil-Qorti ta’ Għawdex, quddiem il-Maġistrat Paul Coppini għaddejjin proċeduri biex tifla oħra Ġermaniża – Julia ta’ tmien snin bint Jutta Wiedeking residenti f’Marsalforn Għawdex, tintbagħat lura l-Ġermanja.