Futbol Sport

Il-Brażil jagħlaq b’disfatta oħra kontra l-Olanda

BRAŻIL……………0
OLANDA ………..3

Brażil> Julio Cesar, Maxwell, David Luiz, Thiago Silva, Maicon, Paulinho (Hernanes 57′), Oscar. Luis Gustavo (Fernandinho 46′), Willian, Jo, Ramires (Hulk 73′)
Olanda> Cillessen (Vrom 93′), Martins Ind, Vlaar, De Vrij, Kuyt, Blind (Janmaat 70′), Clasie, De Guzman Wijnaldum, Robben, Van Persie

Imwissija> T. Silva, Fernandinho, Oscar (B), A. Robben, De Guzman (O)
Skorja> Van Persie 3′ pen, D. Blind 17′, Wijnaldum ’90+1 (O)
Referee> Djamel Haimoudi (Alġerija)

Il-Brażil deher li ma tgħallem xejn mill-umiljazzjoni ta’ Belo Horizonte fis-semifinali u għalaq l-impenji tiegħu fit-Tazza tad-Dinja b’telfa oħra, din id-darba kontra l-Olanda li rebħu t-tielet post war ali kienu runners up erba’ snin ilu.

L-aħħar darba li l-Brażil ġarrab żewġ telfiet konsekuttivi f’darhu kien proprju 70 sena ilu. Kien turnament mill-aktar negattiv għall-organizzaturi li reġgħu spiċċaw ibbuwjati mill-partitarji tagħhom.
Il-Brażil riedu jsalvaw ġieħhom ul-Olandiżi jsellmu lill-kowċ il-ġdid ta’ Manchester United, Louis Van Gaal bl-aħjar mod possibli.

L-aħħar sitt partiti għat-tielet post kienu pproduċew 24 gowl meta b’kuntrast l-aħħar sitt finali tat-Tazza tad-Dinja offrew biss disa’ gowls. U gowls kien hemm imma mhux kif xtaq pajjiż ta’ 200 miljun.
Għal din il-partita kien preżenti wkoll Neymar li malli daħal fil-pitch intlaqa’ b’għajjat u ċapċip enormi. Imma kien l-uniku mument li ferraħ lill-Brażiljani preżenti.

Scolari għażel li jagħmel sitt bidliet mill-iskwadra tas-semifinali fosthom, ir-ritorn ta’ Thiago Silva, Maxwell, Jo, Paulinho u Ramires li ħadu post Marcelo, Dante, Hulk, Fernandinho u Bernard. Van Gaal ippreżenta prattikament l-istess formazzjoni għajr bidla waħda ta’ Jordy Claise minflok Nigel De Jong imma tilef ukoll lil Sneijder fl-aħħar mumenti b’uġiegħ waqt il-warm up u floku beda De Guzman.

Appena 90 sekonda u l-Brażil wera li kien għadu taħt ix-xokk tal-umiljazzjoni tas-semifinali meta tilef 7-1 kontra l-:ermanja. Robben ħarab waħdu bil-pass veloċi tiegħu u l-captain Thiago Silva ġibdu. Il-fawl beda barra bl-Olandiż iżda jaqa’ fil-kaxxa u r-referee ordna penalty waqt li wera l-karta safra lill-captain Brażiljan li kien qed jirritorna minn sospensjoni. Kien ikun aktar ġust li ordna freekick barra l-kaxxa u keċċa lil Silva.

Mill-11-il metru iżda l-captain ROBIN VAN PERSIE skorja r-raba’ gowl fit-turnament. Kien ukoll il-100 gowl li qalgħu il-Brażil fl-istorja tat-Tazza tad-Dinja. Rekord ieħor negattiv ta’ 12-il gowl li qatt qalgħu f’fażi finali tat-Tazza tad-Dinja

Il-Brażil deher jistejqer xi ftit imma ma damx wisq meta minn cross fil-kaxxa, David Luiz li reġa’ kellu serata oħra tal-waħx, ikklerja cross bir-ras f’nofs il-kaxxa għand l-iżmarkat DALEY BLIND li wara li kkontrolla bil-kalma għeleb lil Julio Cesar għall-ewwel gowl internazzjonali tiegħu u sikket l-Estadio Nacional.

Ir-reazzjoni Brażiljana kienet tentattiv tal-aħjar plejer tagħhom Oscar, li Cillesen salva, imma l-folla preżenti sa dan il-ħin ma kinitx taf jekk kelliex tibki jew tidħak.

Id-dħul ta’ Fernandinho ta ħajja oħra lill-midfield Brażiljan fit-tieni taqsima u bdew idawru aktar il-ballun u jersqu viċin il-lasta avversarja. David Luis kellu freekick salvat tajjeb u Oscar fittex penalty ineżistenti fuq Blind u spiċċa dabbar karta safra. L-ewwel safra fit-turnament għal simulazzjoni waslet propju fit-63 logħba.

Żewġ minuti fuq il-ħin, WIJNALDUM skorja t-tielet gowl wara li Oscat tilef il-ballun biex il-Brażil għalaq b’rekord ieħor negattiv tal-aktar tim li qala’ gowls f’dan it-tournament.