ĠERMANJA…………………..1
ARĠENTINA………………….0
(wara l-ħin barrani)
Ġermanja> Neuer, Howedes, Hummels, Kramer ( Schuerrle 31′), Schweinsteiger, Ozil (Mertesacker 120′), Klose (Goteze 86′), Muller, Lahm, Kroos, Boateng
Arġentina> Romero, Garay, Zabaleta, Biglia, Perez (Gago 85′), Higuain (Palacio 77′), Messi, Mascherano, Demichelis, Rojo, Lavezzi (Aguero 46′)
Imwissija> Schweinsteiger, Howedes (Ġ), Mascherano, Aguero (A)
Skurjaw> Goetze 112′ (Ġ)
Referee> Nicola Rizzoli (ITA)
Il-Ġermanja saru l-ewwel tim Ewropew li rebaħ it-Tazza tad-Dinja fl-Amerika t’Isfel meta għelbu lill-Arġentina 1-0 fil-ħin barrani. Din kienet it-tielet darba li dawn it-timijiet iltaqgħu kontra xulxin f’finali tat-Tazza tad-Dinja u din kienet it-tieni darba li l-Ġermaniżi ħarġu rebbieħa. Għall-Ġermanja din kienet ir-raba’ darba’ fl-istorja tagħhom li rebħu t-titlu mondjali u fl-istess ħin ċaħħdu lill-Arġentina mir-rebħ tat-tielet titlu dinji. Il-finali tal-bieraħ kienet it-tielet finali konsekuttiva tat-Tazza tad-Dinja li sad-90 minuta ma kintix għadha ġiet deċiża u t-tieni waħda konsekuttiva li intrebħet fil-ħin barrani wara li erba’ snin ilu kienu Spanja li rebħuha fil-ħin barrani kontra l-Olanda.
Fl-ewwel taqsima l-Arġentina dehru kuntenti jħallu lill-avversarji tagħhom jilagħbu l-logħba filwaqt li huma bdew joperaw bil-kontra attakk fejn bdew jattakkaw l-aktar fuq in-naħa tal-lemin permezz ta’ Messi u Higuain li bdew jippruvaw japprofittaw minn nuqqas ta’ ħeffa tad-difensur Hummels.
L-ewwel ċans għall-Arġentina wasal proprju minn kontra attakk meta wara free kick ta’ Kroos, l-Arġentina għamlu ħarba u l-attakkant Higuain ra x-xutt tiegħu minn qagħda angulata jmur ftit barra.
Fil-21 minuta l-Arġentini tilfu ċans kbir li jiftħu l-iskor meta Kroos qassam lura bil-ballun jispiċċa f’saqajna Higuain li iżda laqat il-ballun ħażin. L-Arġentini bdew ikunu huma l-aktar perikolużi u man-nofs siegħa logħob kellhom gowl ta’ Higuain ġustament imħassar għal offside wara li kien irċieva pass mingħand Lavezzi. Minuta wara, Kramer, li beda minflok Khedira li weġġa’ waqt il-warming up, kellu jħalli l-granwd u jċedi postu għal Schurrle minħabba li irkuprax minn daqqa f’rasu mingħand Garay.
Fit-37 minuta waslet reazzjoni tal-Ġermanja permezz ta’ xutt ta’ Schurrle li kien salvat minn Romero. Eżatt qabel ma intemmet l-ewwel taqsima l-Ġermanja laqtu l-lasta b’daqqa ta’ ras ta’ Howedes imma mir-rebound Muller kien f’pożizzjoni ta’ offside.
It-tieni taqsima kien waħda kwieta u aktar ma beda jgħaddi ħin it-timijiet bdew jidhru aktar beżgħana minn xulxin. Messi kellu l-ewwel ċans fit-tieni taqsima imma x-xutt fil-baxx tiegħu mar barra.
Kwarta mit-tmiem Messi reġa’ kellu ċans meta evita żewġ difensuri, ipprova xutt minn barra l-kaxxa li mar barra. Minkejja li daħlu jilagħbu Aguero u Palacio għall-Arġentina dawn xorta waħda ma setgħux isibu l-gowl.
Seba’ minuti minn tmiem il-logħba Lahm għadda ballun lejn Ozil li sab lil Kroos imma x-xutt tiegħu minn barra l-kaxxa għadda ftit barra.
Il-Ġermaniżi ħarġu jattakkaw fil-ħin barrani u wara biss minuta Romero ċaħħad lil Schurrle li kellu tentattiv minn ġewwa l-kaxxa. Ir-risposta tal-Arġentina waslet meta Rojo tefa’ cross u sab lil Palacio li ipprova jqabbeż il-ballun minn fuq Neuer imma l-ballun spiċċa barra. Fil-112 minuta wasal il-gowl tal-Ġermanja, gowl li kien orkestrat bejn iż-żewġ sostituti. Schurrle għamel ħarba tajba fuq in-naħa tax-xellug, tefa’ cross li sab lil GOETZE li niżżel il-ballun b’sidru u b’xutt mill-viċin għeleb lil Romero biex tefa’ lil ftit eluf ta’ partitarji Ġermaniżi li kien hemm fil-Maracana f’delirju ta’ ferħ.
//= $special ?>

