Lokali

Il-Prim Ministru għandu jippubblika l-kuntratt tal-mara tal-Ministru Konrad Mizzi minnufih – il-PN

Wara xhur sħaħ ta’ skiet perfett, il-Prim Ministru Joseph Muscat kellu jammetti li l-mod kif saret il-ħatra tal-mara tal-Ministru Konrad Mizzi kien żbaljat.

Joseph Muscat, f’kummenti lil The Sunday Times, ammetta li l-kritika tal-Partit Nazzjonalista dwar il-ħatra tal-mara tal-Ministru Konrad Mizzi bħala “envoy għall-Asja” kienet waħda ġustifikata.

Il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija fakkar li xhur ilu, huwa kien ikkritika lill-Gvern ta’ Muscat li din il-ħatra, bħal għexieren ta’ ħatriet oħrajn, saret bi ksur ta’ wegħda prinċipali tal-Partit Laburista, dik li jibbaża l-ħatriet kollha tiegħu fuq il-meritokrazija. Terġa’, f’dan il-każ in-nuqqas huwa akbar għax il-persuna li ntgħażlet hija mara ta’ Ministru magħżula mingħajr ebda trasparenza ta’ xejn. Affarijiet bħal dawn ma jiġrux f’pajjiżi oħra Ewropej.

Il-Gvern kompla jiżbalja meta għal sena sħiħa sfida l-opinjoni pubblika u naqas milli jippubblika l-kuntratt tal-mara tal-Ministru Konrad Mizzi. Dan jikser kull wegħda ta’ trasparenza li l-Parit Laburista tant wiegħed qabel l-elezzjoni. Dan il-ħabi kollu qed isir għaliex il-Gvern jistħi jammetti li l-mara tal-Ministru Konrad Mizzi għandha pakkett finanzjarju li qed jiswa lit-taxpayers Maltin xejn inqas minn tlettax-il elf (€13,000) ewro fix-xahar.

Il-Partit Nazzjonalista fl-istqarrija qal li jisfida lill-Prim Ministru jippubblika l-kuntratt ta’ Sai Mizzi immedjatament bla aktar dewmien. Il-poplu Malti għandu dritt ikun jaf x’inhuma l-kundizzjonijijet li ngħataw lill-mara ta’ Ministru tal-Gvern, mingħajr proċess ta’ sejħa għall-applikazzjonijiet, li qed titħallas tajjeb ħafna mit-taxxi li l l-poplu Malti u Għawdxi jħallas.