Il-futur tal-kowċ tal-Brażil Luiz Felipe Scolari se jkun deċiż mill-Konfederazzjoni ladarba l-kowċ jidher li m’għandu l-ebda ħsieb li jirreżenja.
Scolari mexxa lill-Brażil lejn ir-rebħ tal-ħames titlu mondjali fl-2002 u tilef biss erba’ darbiet f’29 logħba sa minn meta ħa t-tmexxija tat-tim f’Novembru tal-2012. Madankollu ħafna jemmnu li għandu jitneħħa, partikolarment wara l-aħħar żewġ telfiet kbar.
“Dan irid jiġi deċiż mill-Konfederazzjoni,” qal Scolari meta kien mistoqsi dwar il-futur tiegħu.
“Meta bdejna għamilna data li fiha kellna niddiskutu l-futur tagħna fi tmiem din it-Tazza tad-Dinja, immaterjali mir-riżultati,” qal il-kowċ ta’ 65 sena. “U dan hu dak li se nagħmlu wara li nippreżenta r-rapport finali lill-President. Issa hu l-President li jrid jiddeċiedi,” qal Scolari li kien ibbuwjat mill-partitarji kull darba li beda jidher fuq l-iscreen kbir fil-ground.
Kienet l-ewwel darba sa mill-1940 li l-Brażil sofra żewġ telfiet konsekuttivi f’pajjiżu.
//= $special ?>

