minn: IL-MUMENT
Ftit kienu dawk li setgħu jemmnu dak li kienu qegħdin jisimgħu nhar l-Erbgħa li għadda fil-Parlament meta l-Ministru tal-Intern u Sigurtà Nazzjonali Manwel Mallia, li suppost kellu jispjega lill-poplu u fuq kollox lill-membri tal-Korp tal-Pulizija kif u għaliex tneħħa l-Kummissarju tal-Pulizija Pietru Pawl Zammit.
Il-Minsitru Manwel Mallia ffaċċjat mill-Oppożizzjoni Nazzjonalista u minn informazzjoni żvelata nhar il-Ħadd li għadda minn IL-MUMENT dwar id-diżgwid li għandu mal-Prim Ministru Joseph Muscat u li kellu mat-tmexxija tal-Korp tal-Pulizija, fi stqarrija ministerjali twila, mimlija kliem li ilu jigi ripetut għal dawn l-aħħar 16-il-xahar ma ntqal xejn fuq dak li ġiegħel lill-Gvern Laburista jneħħi lil Pietru Pawl Zammit, il-persuna li kien huwa stess li daħħal bħala Kummissarju tal-Pulizija. Zammit tneħħa mill-Gvern bla kliem u bla sliem f’sitwazzjoni fejn kienet diġà qed tiġri mas-saqajn li se jitneħħa kif proprju kien żvela il-mument fil-ħarġa tat-18 ta’ Mejju li għadda.
Il-Ministru Manwel Mallia ma jweġibx
Sorsi qrib il-Korp tal-Pulizija li dil-ġimgħa tkellmu ma’ il-mument qalu li f’dan it-taħwid u aġir huma riedu jkunu jafu għaliex Pietru Pawl Zammit tneħħa mill-kariga minn min kien poġġih. “X’għamel tant ħażin biex tneħħa?” L-istess sorsi qalu li nhar l-Erbgħa li għadda, il-membri tal-Korp tal-Pulizija spiċċaw ma tgħallmu xejn proprju minn Ministru li huwa magħruf kemm ifittex l-okkażjoni biex fil-Parlament jagħti l-lezzjonijiet. “Ma kienx hemm anqas s-sens ta’ dinjità lejn bniedem li ġie użat u mormi bla difiża ta’ xejn.” Dawn is-sorsi żiedu li kienu diversi li semgħu u skantaw kif tant il-Ministru Mallia ma wieġeb xejn f’diskors kollu mibni fuq nota għolja ta’ rabja jattakka u jikkritika lill-Oppożizzjoni Nazzjonalista talli kien mistoqsi d-domandi.
Anniversarju mtappan
Is-sitwazzjoni fil-Korp tal-Pulizija hija ferm u ferm iktar gravi proprju meta lbierah membri tal-Korp u oħrajn li servew iċċelebraw l-200 anniversarju mit-twaqqif tiegħu fost it-taħwid li għaddej minnu l-Korp tal-Pulizija.
Sorsi qrib il-Korp qalu lil il-mument li diversi qed jifhmu u jaraw kemm l-affarijiet marru għall-agħar f’dawn is-16-il xahar. “Proprju meta l-Korp għandu jkollu d-dinjità, spiċċa b’riżenja ta’ Kummissarju tal-Pulizija u b’ħatra ta’ aġent Kummissarju. Minn Korp mimli b’ħidma u direzzjoni spiċċa wieħed mimli b’kaptani.” L-istess sorsi kkritikaw lill-Ministru Manwel Mallia li ddikjara li hemm bżonn “riorganizzazzjoni” fil-Korp wara li fl-aħħar xhur, taħt tmexxija ta’ Gvern Laburista tkisser dak li kien inbena.
Indħil mill-Ministeru u minn Kastilja
Sadattant id-diskors fost il-membri tal-Korp huwa dwar min ġej wara l-Aġent Kummissarju, li ħafna fehmu li għax jaf x’taħwid hemm, kien hu li ma riedx li jsir permanenti. Diversi fil-Korp tal-Pulizija qed jittamaw li l-Aġent Kummissarju jibda jerġa’ jġib lura l-affarijiet għall-ordni u li jwaqqaf l-indħil fil-ħidma tal-Korp, fit-transfers, fil-prosekuzzjoni tar-reati u fl-amministrazzjoni.
Is-sorsi qrib il-Korp tal-Pulizija qalulna li s-sitwazzjoni hija ferm iktar gravi bil-wirt li hemm wara r-riżenja ta’ Pietru Pawl Zammit għax bl-indħil kostanti mill-Ministeru u minn Kastilja ġiet stabbilita riċetta li kienet diretta lejn diżastru. “Nafu kemm dan huwa diffiċli għax issa hemm uffiċjali u membri li marru fejn ma kellhomx imorru hekk kif ħadu post ħaddieħor u dawn issa għandhom arja ġdida li ġejja mhux minn mertu iżda mis-saħħa politika”, qalulna l-istess sorsi. “Kien diġà diffiċli għal Pietru Pawl Zammit li jidħol f’siġġu li wara għaxar snin skorruti kien okkupat minn John Rizzo, Kummissarju li għamel ġieh u biddel ta’ taħt fuq lill-Korp, imma kien iktar kkomplikat għax ma tħallix jaħdem għal rasu u fl-indipendenza li ghandu jkollu Kummissarju.”
Deċiżjonijiet żbaljati fl-aħħar 16-il xahar
- Membri tal-Korp flok tħallew jaħdmu biex jikkumbattu l-kriminalità sabu ruħhom libsin jservu u jagħmluha ta’ waiters f’ikla organizzata mill-Ministru Mallia
- Numru ta’ pulizija barranin ttieħdu fuq dgħajsa tal-Korp biex jgħumu u jixxemxu quddiem kulħadd.
- Il-każ tal-ispettur Elton Taljana fejn uffiċjal spicċċa proċessat u attakkat għax għamel dmiru.
- Il-każ ta’ persuna li fl-għassa tal-pulizija ta’ Ħaż-Żabbar li daħal isawwat membri tal-Korp u toħroġ ordni biex ma jittieħdux passi kriminali kontrih
- Ċaqliq bla direzzjoni ta’ diversi membri tal-Korp tal-Pulizija. It-transfers bdew ħerġin, uħud minnhom filgħodu biex jinbidlu wara nofsinhar
- Diversi għases ingħalqu mingħajr spetturi, surġenti u kuntistabbli li qabel kienu jidhru jduru fl-ibliet u l-irħula
- F’daqqa waħda saru ħafna promozzjonijiet fejn uħud qabżu b’passi kbar lil ħaddiehor.
- Lejliet u nhar l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, fid-dagħdigħa għall-voti jinħarġu transfers bil-Kummissarju jiddikjara li ma kienx jaf bihom. B’hekk dawn it-trasferimenti ordnati mill-Ministeru u Kastilja ħareġ l-ewwel konflitt fil-miftuħ.
- Daħlu diversi membri tal-Korp tal-Pulizija rtirati lura li diġà qed jirċievu l-pensjoni. Il-Korp flok mar biex idaħħal żgħażagħ mimlija ħeġġa, saħħa u lesti biex jikkumbattu l-kriminalità issa morna għal sezzjoni anzjani tant li diversi huma fil-Korp li qegħdin jgħidu li l-età biex tidħol fil-Korp m’għadiex ta’ 18 iżda ta’ 70 sena
- Il-kriminalità organizzata ssodat u r-rata tad-delitti żdiedu.
- L-agħar ħaġa hija l-kwistjoni tal-investigazzjoni tal-OLAF. Pietru Pawl Zammit fl-ewwel żmien tiegħu bħala Kummissarju tal-Pulizija jiddikjara kontra l-parir tal-Avukat Ġenerali li skont hu m’hemmx passi x’jittieħdu kontra John Dalli. Taħwida legaliġ l-ewwel għax il-Kostituzzjoni tagħti esklussivament lill-Avukat Ġenerali l-poter u fl-istess ħin id-dmir li jiddeċiedi hu kontra min għandhom jittieħdu passi kriminali u t-tieni għax daħal f’ras diversi li dan il-Gvern lest li jmur kontra l-liġi u jgħatti ‘l dak u lill-ieħor.
- Dan il-każ kiber aktar meta l-Kummissarju John Rizzo ġie mistoqsi direttament bil-ġurament numru ta’ drabi fuq l-każ Dalli u ddikjara li d-deċiżjoni tiegħu u tal-Avukat Ġenerali kienet li passi jittieħdu. Każ li baqa’ u se jibqa’ inkubu u dell ikrah fuq il-Gvern Laburista li qiegħed ma’ kull ġurnata jidher li għamel xi kompromess. Bil-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil jafferma dan fil-Parlament u l-Prim Ministru jkompli jkabbarha billi jinsisti li jmur quddiem l-Kumitat tal-Privileġġi.
- Ma kienx b’kumbinazzjoni li Pietru Pawl Zammit tneħħa meta l-Kap tal-OLAF akkużah li ma kkollaborax miegħu fuq din l-investigazzjoni minkejja t-tliet talbiet li għammillu. Is-sorsi li tkellmu ma’ il-mument fakkru li kien il-Prim Ministru stess li ddikjara li kien hu li għażel lil Pietru Pawl Zammit, li kien hu li għażel u għadu jżomm bħala konsulent speċjali lil John Dalli, u li issa qed jahrab milli jaffronta dak li fl-Unjoni Ewropeja qed isir indifensibbli.