Lokali

Mara fil-periklu tal-mewt wara ħabta ‘head-on’

Mara ta’ 41 sena imwielda l-Belarus iżda residenti l-Qala, Għawdex tinsab fil-periklu tal-mewt wara inċident tat-traffiku li seħħ fi Triq Margaret A. Murray, in-Naxxar, kmieni dalgħodu għall-ħabta tal-5am.

Minn investigazzjonijiet preliminari jirriżulta li vettura tal-għamla Peugeot misjuqa minn raġel ta’ 34 sena, residenti r-Rabat u vettura tal-għamla Vauxhall misjuqa minn tfajla ta’ 22 sena, residenti Birkirkara kienu qed jinstaqu f’direzzjonijiet opposti u għal xi raġuni kellhom impatt head-on.

Il-mara ta’ 41 sena kienet passiġġiera fil-vettura tat-tip Vauxhall.

Fuq il-post issejħet ambulanza li ħadet liż-żewġ nisa l-Isptar Mater Dei għall-kura medika. Is-sewwieqa ta’ 22 sena qiegħda ssofri minn ġrieħi ta’ natura gravi filwaqt li r-raġel ta’ 34 sena ma sofra l-ebda ġrieħi.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Stafrace Zammit li ħatret diversi esperti sabiex jassistuha fl-inkjesta li ġiet appuntata.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.