Internazzjonali

Tibda l-fażi delikata biex il-‘Costa Concordia’ iżomm fuq wiċċ il-baħar

L-ITALJA: Proprju llum jibda proġett ieħor mingħajr preċedent bl-iskop li l-vapur tal-cruises ‘Costa Concordia’ jerġa’ jittella f’wiċċ il-baħar u jinżamm milli jegħreq mill-ġdid wara t-traġedja ta’ sentejn u nofs ilu.

Il-‘Costa Concordia’ kien inkalja mal-blat, ‘il hinn mill-gżira ta’ Giglio, fir-reġjun ta’ Toscana, matul il-lejl tat-13 ta’ Jannar tal-2012 – u fejn inqaleb fuq il-ġenb bir-riżultat li spiċċaw jitilfu ħajjithom 32 persuna.

It-traġedja anki qajjmet id-dubji dwar is-sigurta tal-vapuri tal-cruises. Fl-istess ħin, il-kelliema għal Costa Crociere – il-proprjetarja tal-vapur inkwistjoni – qed isostnu li l-proġett ta’ refloating jiddependi, fuq kollox, mit-temp kif ukoll mill-konferma finali tal-awtoritajiet għall-ambjent.

Intant, l-aħħar indikazzjonijiet kienu li l-programm tax-xogħol kellu jibda ‘minnufih’ minn dalgħodu. Fl-istess ħin, l-entitajiet inkarigati mill-ħidma tas-salvataġġ spjegaw li m’huma se jinfurzaw l-ebda no-fly zone inkella xi forma ta’ restrizzjonijiet fuq il-movimenti tal-vapuri għaż-żmien kollu li ddum għaddejja din il-ħidma.

Il-proġett biex jittella l-‘Concordia’ mistenni jdum għaddej għal diversi jiem u bil-ħidma għandha tiswa l-mijiet tal-miljuni tal-ewro. Hu minnu wkoll li l-ħidma inkwistjoni għandha tinvolvi l-akbar proġett ta’ din ix-xorta li jinvolvi vapur tal-passiġġieri.

F’Settembru li għadda kien konkluż proġett delikat ieħor intiż biex jiddritta l-‘Costa Concordia’ u li wkoll ma kellu l-ebda preċedent fl-istorja moderna.

Intant l-inġiniera, issa, rnexxielhom iwaħħlu t-tankijiet tal-arja mal-ġnub tal-‘Costa Concordia’ bl-iskop li dan il-luxury liner iżomm fuq wiċċ il-baħar u meta, mbagħad, ikun faċli biex il-vapur jinġibed lejn il-port ta’ Genoa u jitkisser għall-iscrap.

Il-Kaptan tal-‘Costa Concordia’, Francesco Schettino, bħalissa jinsab għaddej bi proċess tal-qorti fejn irid iwieġeb għal diversi każi ta’ qtil involontarju u meta hu wkoll akkużat b’li abbanduna l-vapur qabel aċċerta mill-evakwazzjoni totali tal-passiġġieri.