Internazzjonali

Twissija liċ-ċivili ta’ Gaza qabel l-attakki

IŻRAEL: L-awtoritajiet Iżraeljani wissew lir-residenti ċivili f’Gaza biex jevakwaw mill-villaġġi u l-ibliet tat-territorju. Dan meta l-qawwiet tal-ajru ta’ Iżrael kienu qed iħejju għall-attakki ġodda fuq l-inħawi indikati bħala bażijiet tal-militanti Iżlamiċi tal-grupp Hamas.

Intant, il-militar Iżraeljan attakka sit suspettat bħala zona minfejn il-militanti qed jisparaw il-missili lejn Iżrael u fost rapporti li indarbu numru żgħir ta’ suldati.

Mifhum li din kienet ‘l-ewwel azzjoni mill-art’ (u li kienet tinvolvi l-commandos navali) mindu l-Iżraeljani bdew bil-kampanja militari kontra l-Hamas fit-8 ta’ Lulju. Fl-istess ħin, kelliema għal Iżrael sostnew li l-offensiva se tkompli sakemm il-militanti Iżlamiċi jieqfu mill-bumbardamenti fuq l-ibliet Iżraeljani li jinsabu qrib il-fruntiera ta’ Gaza.

L-Uffiċjali fil-Medda ta’ Gaza qalu li mietu talanqas 160 Palestinjan mill-bidu tal-offensiva Iżraeljana ‘l hawn. Dan meta l-mejtin jinkludu sbatax il-membru ta’ familja waħda li sfaw vittma ta’ attakk mill-qawwiet tal-ajru Iżraeljani li kienu sparaw il-missili fuq l-inħawi ta’ Gaza matul il-lejl tas-Sibt.

L-Iżraeljani jinsistu li qed jimmiraw għal siti suspettati bħala moħbiet tal-Hamas u fejn, skont huma, il-militanti qed jippreparaw l-azzjonijiet terroristiċi kontra ċ-ċittadini ta’ Iżrael. Madankollu, n-Nazzjonijiet Uniti kkalkulat li mas-77 fil-mija tal-persuni maqtula f’Gaza huma ċivili u mhux militanti.
Il-Kunsill tas-Sigurta tan-NU diġa sejħet għal waqfien mill-ġlied u biex Iżrael u l-Hamas jidħlu għal taħditiet ta’ paċi.
Sadanittant, il-militar Iżraeljan ikkonferma, lbieraħ, li waddab il-fuljetti tal-informazzjoni fuq il-belt ta’ Beit Lahiya u li jħeġġu biex iċ-ċivili jfittxu l-kenn mill-aħjar li jistgħu inkella (anki) jitilqu mill-inħawi.

Kelliem għall-Armata qal li filwaqt li l-militar ma jridx li jolqot lil dawn iċ-ċivili, r-residenti ta’ Gaza għandhom ikunu jafu li qed jissugraw ħajjithom ‘f’każ li huma jagħżlu li jibqgħu viċin it-terroristi u l-infrastruttura tal-Hamas’.

Salbieraħ, aktar minn 4,000 residenti ta’ Gaza kienu marru għall-kenn fi tmien bażijiet tal-UN Relief and Works Agency. Dan waqt li mijiet ta’ Palestinjani li għandhom iċ-ċittadinanza doppja kienu qed jitilqu minn Gaza u jużaw l-aċċess ta’ Erez biex jaqsmu lejn Iżrael.

Anki lbieraħ, l-ajruplani tal-gwerra Iżraeljani qerdu l-parti kbira tal-kwartieri ġenerali tas-sigurta u l-għasses tal-pulizija li qed imexxu l-militanti tal-Hamas f’Gaza. Qed jingħad li r-residenzi tan-nies viċin il-kumpless tas-sigurta ukoll ġarrbu l-ħsarat estensivi- b’mod partikolari dawk li jinsabu ġod-distrett ta’ Tel al-Hawa ( fin-Nofsinar ta’ Gaza) li hu iffullat bil-bini.